L-Arċipriet joħroġ waħdu fit-toroq tal-Birgu bil-kurċifiss minflok il-purċissjoni tas-soltu
Il-Birgu hija waħda mill-aktar lokalitajiet li għandha tradizzjonijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa
More in Socjali
Il-Birgu hija waħda mill-aktar lokalitajiet li għandha tradizzjonijiet marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa
Waħda mill-lokalitajiet li fihom, bħal-lum, issir il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira, hija propju l-Birgu, iżda llum it-toroq Ġirbin jinsabu vojta min-nies, ħlief għall-Arċipriet, il-Kanonku Karm Busuttil, li wara l-Azzjoni Liturġika tat-3pm, ħareġ iddur it-toroq sbieħ tal-Belt Vittoriosa bil-kurċifiss biex ibierek lir-residenti ta' din il-Belt antika.
Dan sar mingħajr avviż, biex ma jinġemgħux in-nies, bl-Arċipriet ikun akkumpanjat biss mis-saċerdot Ġirbi, Dun John Avellino.
Aktar kmieni din il-ġimgħa, fl-aħħar jum tal-Kwaranturi Solenni, il-Kanonku Stephen Attard ħareġ bis-Sagrament, akkumpanjat minn saċerdot wieħed u tela' sal-pjazza wwlenija tal-Birgu biex ibierek lir-residenit u lill-Belt.
Fil-fatt, hija tradizzjoni antika u unika fil-Birgu, li fil-Kolleġġjata ta' San Lawrenz, il-kwaranturi solenni (jiem ta' adorazzjoni quddiem l-Ewkaristija) jiġu ċċelebrati minn Ħadd il-Palm sal-Erbgħa tat-Tniebri.
Din hija biss waħda mit-tradizzjonijiet sbieħ tal-Birgu marbuta mal-Ġimgħa Mqaddsa, dan hekk kif minn din is-sena reġgħet ingħatat il-ħajja l-purċissjonijiet tal-misteri, li sfortunatament kellhom jiefqu ħesrem.
Mis-sena li għaddiet ukoll, bdiet issir il-purċissjoni s-sewda, purċissjoni devota li kienet issir fi żmien il-Kavallieri, nhar l-Erbgħa tat-Tniebri, b'relikwarju antik ħafna li fihi diversi relikwi marbuta mal-passjoni.
Intant, għada, fid-9:00pm, fil-Birgu xorta waħda se tinżamm tradizzjoni magħrufa bħala “Il-Begigga.”
Din it-tradizzjoni hija antika ħafna fil-Birgu. It-tfal tal-Birgu kienu joħorġu jkantaw u jdoqqu bit-tambur wara l-quddies tal-Għid.
Din is-sena, “l-Begigga” mhux ser titħassar, iżda ser issir b’ mod differenti.
Għalhekk għada in-nies qed ikunu mħeġġa toħroġ fil-gallariji, bjut,u twieqi, u minbarra li ħa jsir l-istorbju tas-soltu, ser jinxtgħelu wkoll, il-gallariji u l-faċċati.