Coronavirus | Il-Papa jimxi waħdu f'pellegrinaġġ fit-toroq battala ta' Ruma

Il-Papa żar ix-xbieha antika tal-Madonna fil-Bażilika ta' Santa Maria Maggiore u wara mexa wkoll sal-knisja ta' San Marcello al Corso fejn talab quddiem kurċifiss mirakoluż

Il-Papa miexi tul Via del Corso
Il-Papa miexi tul Via del Corso

Illum waranofsinhar, il-Papa Franġisku ħareġ mill-Vatikan u għadda mit-toroq vojta ta' Ruma sal-Bażilika ta' Santa Maria Maggiore fejn talab quddiem ix-xbieha antika tal-Madonna, magħrufa bħala s-Salus Populi Romana, xbieha għażiża ħafna għall-Papa Franġisku u għall-poplu tal-Belt ta' Ruma.

Wara, il-Papa, mexa waħdu, ħlief għal xi uffiċjali tas-sigurtà sal-knisja ta' San Marcello al Corso fejn hemm kurċifiss antik u devot, meqjus mirakoluż. Fil-fatt, ritratti juru l-Papa, miexi waħdu, fuq il-bankina, tul Via del Corso.

Fl-1522, dan il-kurċifiss kien inħareġ f'pellegrinaġġ, fit-toroq ta' Ruma, biex tinqered il-pesta.

Intant, is-Sala Stampa tal-Vatikan qalet li l-Papa għamel dan il-ġest biex jitlob għat-tmiem ta' din il-pandemija li laqtet l-Italja u d-dinja.

Qalet li huwa talab għall-morda, għall-vittmi u anke għall-ħaddiema kollha tas-saħħa.

More in Socjali