X’se jsir minn Patri Deo? L-ILLUM tistaqsi lill-Provinċjal

Ġimgħa wara li Patri Deo Debono ammetta li seraq pitturi u inċens mingħand is-sorijiet tal-klawsura, l-ILLUM tistaqsi...

Il-Provinċja Agostinjana Maltija għadha qed tikkunsidra t-triq ’il quddiem fil-każ tal-eks kappillan Patri Deo Debono li bħal-lum ġimgħa ammetta li seraq pitturi mill-kunvent tal-Agostinjani tal-Belt Valletta u anke mill-Monasteru ta’ Santa Katarina fil-Belt ukoll.

L-ILLUM għamlet kuntatt mal-Pronvinċjal tal-Agostinjani Patri Leslie Gatt biex tistaqsih jekk issa li ammetta u nstab ħati, hux se jkunu qed jieħdu passi ulterjuri fil-konfront ta’ Patri Deo, jekk hux se jitħalla jirritorna l-kunvent u jekk hux se jerġa’ jitħalla jqaddes fil-pubbliku.

It-tweġiba tal-Provinċjal għal dawn il-mistoqsijiet kollha kienet: “Għadna qed nikkunsidraw it-triq ’il quddiem.”

Intant, il-gazzetta ILLUM bagħtet ukoll tistaqsi lill-Kurja tal-Arċisqof dwar jekk hijiex se tieħu jew titlob passi. Fit-tweġiba tagħha l-kurja saħqet li bħala reliġjuż (jiġifieri membru ta’ ordni reliġjuż) Patri Deo Debono se jibqa’ jiġi segwit mill-Ordni Agostinjana, li, permezz tal-Provinċjal, tinsab f’kuntatt mal-Arċisqof.

Malli kienu ħarġu l-allegazzjonijiet fil-konfront ta’ Patri Deo, l-Arċisqof immedjatament neħħa lil Patri Deo minn kappillan tal-parroċċa ta’ Santu Wistin tal-Belt Valletta u bi qbil mal-Provinċjal kien ukoll ordna li Patri Deo ma jibqax jeżerċita l-ministeru saċerdotali fil-pubbliku sakemm jibqgħu pendenti l-investigazzjonijiet.

Patri Deo ttella’ l-Qorti nhar it-Tnejn li għadda u ammetta minnufih. Huwa ngħata sentenza ta’ sentejn ħabs sospiżi u ġie ordnat iħallas €9,500lill-persuna li laħqtet xtrat mingħandu l-oġġetti misruqa.

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Ian Farrugia qal ukoll li Patri Deo għadda minn umiljazzjoni u rikatt, tant li jidher li l-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet tagħha dwar dan.

More in Socjali