Kont taf li tifel ta’ erba’ snin iħoll u jorbot 12-il punt fir-Regatta? L-ILLUM titkellem mar-rebbieħa

Il-famuża Regatta  Il-klabbs għandhom żgħażagħ? Isibu koperazzjoni fil-portijiet? X’jista’ jsir biex jiżdied l-interess? L-ILLUM iżżur lill-Bormliżi

Il-President tal-Klabb tar-Regatta ta' Bormla
Il-President tal-Klabb tar-Regatta ta' Bormla

F’waħda mit-tlielaq tar-regatta, tifel ta’ erba’ snin huwa strumentali u jista’ jrebbaħ jew itellef it-tellieqa. Kurżità dwar ir-Regatta li ftit jafu dwarha n-nies, forsi għax ftit huma dawk li jinteressaw ruħhom f’din it-tradizzjoni nazzjonali.

Jekk l-interess fir-Regatta mhuwiex xi wieħed kbir, mhux l-istess jista’ jingħad għal dawk il-ftit lokalitajiet li jieħdu sehem fiha. L-ILLUM żaret il-Klabb tar-Regatta ta’ Bormla u sabet maħżen mimli żgħażagħ għaddejjin bil-ħidma, min jitħarreġ, min iniżżel u jtella’ d-dgħajjes u min saħansitra qed jaħdem fuq frejgatina ġdida.

Is-sena li għaddiet, dan il-Klabb rebaħ ir-Regatta tal-Vitorja għad-19-il darba wara li rnexxielhom jirbħu l-għaxar tiġrijiet, jiġifieri t-tlielaq kollha fiż-żewġ kategoriji, rekord li qatt qabel ma nkiseb mill-ebda klabb. Din is-sena, żammew is-shield għandhom u reġgħu rebħu r-Regatta tal-Vitorja għall-20 darba.

Din il-gazzetta tkellmet ma’ Evan Buttigieg, il-President tal-Klabb tar-Regatta ta’ Bormla li spjega l-ħidma bla waqfien tal-klabb Bormliż speċjalment biex jattiraw żgħażagħ ġodda lejn dan l-isport tradizzjonali.

“Aħna ma nifqux. Minn Regatta għall-oħra nibdew naħsbu kif se niġbru l-flus. Aktar ma toqrob ir-Regatta aktar jintensifika t-taħriġ u anke l-preparazzjoni tad-dgħajjes,” saħaq magħna l-President.

Ta’ min isemmi u japprezza l-fatt li l-Klabbs tar-Regatta huma mimlija voluntiera li jaħdmu tul is-sena kollha biex jiġbru l-flus biex ikunu jistgħu jżommu ħajja din it-tradizzjoni li tmur lura mijiet ta’ snin.

Kemm ikunu ilhom jitħarrġu? Isibu koperazzjoni fil-Port?

Tkellimna aktar fid-dettall dwar it-taħriġ li l-qaddiefa kollha, anke dawk l-aktar professjonali, ikunu kostretti li jagħmlu. Fil-fatt, spjega Buttigieg, għar-Regatta tal-lum, il-qaddiefa ilhom għal dawn l-aħħar xahar u nofs jitħarrġu kważi kuljum fil-baħar, iżda t-taħriġ ikun ilu għaddej, għax il-qaddiefa jkollhom jitħarrġu u jżommu f’saħħithom matul is-sena kollha.

Fil-baħar, it-taħriġ isir fil-Port il-Kbir, il-post fejn issir ir-Regatta, anke biex il-klabb ikun jista’ jikkalkula l-ħinijiet.

Iżda l-Port il-Kbir huwa impenjattiv ħafna. Isibu koperazzjoni? Filwaqt li saħaq li din is-sena ħadmu aktar mill-qrib ma’ Transport Malta, il-President insista li fadal ħafna xi jsir.

“Mhux se tgħaddilna minn moħħna li noħorġu b’dgħajsa tal-pass u nwaqqfu cruise liner ... imma ma tinżillix li nara frejgatina, b’tifel ta’ erba’ snin fiha u tidħol lanċa privata għaddejja sparata minn quddiemhom,” saħaq magħna l-President. “L-ewwel pass irridu nagħmluh aħna billi nġibu rispett lejn ħaddieħor iżda aħna għandna nkunu rrispettati wkoll.”

Buttigieg spjega kif ġieli jagħmlu ġimgħa sħiħa jistennew baħar tajjeb biex ikunu jistgħu jitħarrġu u jieħdu nota tal-ħinijiet. “Tmur fuq l-istart, titlaq u tara lanċa għaddejja żiffa. Joħloqlok rima u tista’ tieqaf,” spjega l-President. 

Xi jkun qed jagħmel tifel ta’ erba’ snin fuq fregatina?

Kien hawnhekk li qlibna d-diskors u staqsejna lil Buttigieg xi jkun qiegħed jagħmel tifel ta’ erba’ snin fuq il-frejgatina. Ma jkunx hemm b’kapriċċ, spjegalna l-President. Għall-kuntrarju dak it-tifel huwa strumentali f’waħda mit-tlielaq.

Buttigieg spjega kif f’din it-tellieqa, iż-żewġ qaddiefa jkunu qed jaqdfu b’daharhom lura u huwa dan it-tifel li jidderiġihom u jassigura li jkunu mexjin dritti. L-istess tifel, fil-bidu tat-tellieqa, ikun qed iżomm iċ-ċima u għalhekk irid ikun pront li jitlaqa’ malli jingħata s-sinjal biex titlaq il-kompetizzjoni.

Ovvjament, ikun tifel, biex kemm jista’ jkun ma jżidux il-piż.

‘Mgħallem wieħed jaħdem id-dgħajjes kollha’

Iżda l-qaddiefa huma biss parti mit-tim. Kif dħalna fil-maħżen sibna persuna li kienet qed taħdem fuq frejgatina ġdida. 

“Sfortunatament l-imgħallmin tad-dgħajjes qed jonqsu. Aħna ffortunati li għandna mgħallem wieħed, membru fil-Kumitat stess, li jaħdem fuq id-dgħajjes kollha,” spjegalna l-President, għax ta’ min wieħed ifakkar ukoll li fir-Regatta jintużaw dgħajjes differenti.

U x’inhuma dawn id-dgħajjes differenti? Id-dgħajjes ta’ qisien differenti huma: il-kajjikk, il-frejgatina, tal-midalji u dik tradizzjonali Maltija, jiġifieri tal-pass.

Ir-Regatta u ż-żgħażagħ. Hemm futur?

Ħarisna lejn il-futur tar-Regatta. Interess miż-żgħażagħ hemm? “Inkun giddieb jekk ngħid li l-interess fir-Regatta mhux qed jonqos,” saħaq Buttigieg, iżda insista li biex ir-Regatta tqum mill-ġdid iridu jkunu l-klabbs infushom.

“Jiena jiddispjaċini li kull sena, qed immorru għall-under 18 u jieħdu sehem żewġ klabbs jew tlieta,” insista Buttigieg. “Jgħidulek ma għandhomx tfal. Jiena nemmen li jekk taħdem u tagħmel il-pjanijiet tiegħek, se ssib żgħażagħ.”

Fil-fatt, mistoqsi xi proġetti għandhom bħala klabb, Buttigieg saħaq li l-proġett tagħhom huwa li jattiraw iż-żgħażagħ. “Din is-sena ma ħriġnix rebbiħin, iżda ma jfissirx li għax ma tirbaħx ma tkunx qed taħdem. Aħna l-importanti li nieħdu sehem mill-bidu sal-aħħar. Dan għall-futur tal-klabb,” insista Buttigieg. 

Jappellaw għal aktar attivitajiet waqt ir-Regatta biex jinżlu aktar nies

Tkellimna wkoll dwar il-fatt li r-Regatta mhijiex biss sport iżda dawn il-voluntiera qed iżommu ħajja tradizzjoni kulturali nazzjonali. Iħossu li huma apprezzati biżżejjed? “Min-nies tal-Kottonera u tal-madwar aħna apprezzati. Iżda għalkemm hija antika, mhijiex xi ħaġa bħall-futbol li tissemma kullimkien. Meta tasal ir-Regatta, l-interess qiegħed fil-Kottonera u fil-madwar biss,” saħaq il-President.

Xhieda ta’ dan huma t-timijiet li jieħdu sehem. “Hija ħasra li wara mijiet ta’ snin ftit li xejn ħarġet mill-inħawi tal-port,” kompla Buttigieg. Fil-fatt, il-lokalitajiet li jieħdu sehem fir-Regatta huma Marsamxett (Belt Valletta), il-Bormla, Birgu, l-Isla, il-Kalkara, il-Marsa u Birżebbuġa.

L-istess dwar l-ispettaturi tar-Regatta. Buttigieg saħaq li n-nies jonqsu qegħdin mhux jiżdiedu, għall-kuntrarju ta’ meta saret il-Pageant of the Seas li ġibdet lejn il-Port il-Kbir eluf ta’ nies.

“Ġew eluf ta’ nies minn kullimkien, min għax dilettant tan-nar u min għax dilettant ta’ xi ħaġa oħra. Jekk ir-Regatta nżiduha b’dawn it-tip ta’ affarijiet, lil xi ħadd se nolqtu,” temm jappella l-President.

More in Socjali