Studenti atleti professjonali se jkunu jistgħu jitħarrġu kif ukoll jistudjaw fl-istess ħin

Studenti li spiċċaw l-istudji obbligatorji man-National Sports School (NSS) se jkunu jistgħu jingħaqdu ma’ studenti atleti oħra tal-kulleġġ biex ikomplu bit-taħriġ kif ukoll jistudjaw fl-istess ħin

Mis-sena akkademika li jmiss, il-Kulleġġ Ġ.F. Abela se jintroduċi tliet programmi ġodda għall-istudenti li se jagħżlu li jistudjaw fil-kulleġġ bħala l-istituzzjoni post-sekondarja.

Studenti li spiċċaw l-istudji obbligatorji man-National Sports School (NSS) se jkunu jistgħu jingħaqdu ma’ studenti atleti oħra tal-kulleġġ biex ikomplu bit-taħriġ kif ukoll jistudjaw fl-istess ħin, dan hekk kif permezz ta’ dan il-programmhuma se jkollhom skeda ta’ lezzjonijiet speċjalizzati għalihom.

L-għan ta’ dan il-kors hu li studenti atleti jkunu jistgħu jiksbu ċ-Ċertifikat tal-Matrikola, filwaqt li jkomplu bil-programm ta’ taħriġ man-National Sports Federation/Association li hija assoċjazzjoni rikonoxxuta mill-Malta Olympic Committee, u/jew l-NSS. Il-programm idum sentejn fuq bażi full-time.

It-tieni programm ġdid għal din is-sena se jkun offrut lil studenti prospettivi li fi żmien l-applikazzjoni jkollhom mill-inqas 18-il sena u jkunu fil-pussess taċ-ċertifikat f’livell ordinarju (ĊES) tal-Malti, tal-Ingliż u l-Matematika ekwivalenti għal grad 5 jew aħjar. L-għan ta’ dan il-programm hu biex studenti prospettivi minn 18-il sena ‘l fuq ikollhom il-possibilità li jistudjaw suġġett wieħed jew iktar f’livell Avvanzat u/jew livell Intermedju, skont il-ħtiġijiet tagħhom. Dan il-programm idum sentejn fuq bażi full-time.

It-tielet programm li se jiġi introdott din is-sena hu offrut lil studenti prospettivi li jixtiequ jkomplu jistudjaw barra minn Malta wara l-Matrikola. Il-kors iwassal lill-istudenti għaċ-ċertifikat tal-Matrikola, maħruġ mill-MATSEC. Il-kors idum sentejn fuq bażi full-time.

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima saħaq li huwa importanti li nkomplu nsaħħu l-istituzzjonijiet edukattivi tagħna għaliex il-futur ta’ pajjiżna jiddependi mhux biss fuq l-edukazzjoni li nieħdu fl-ewwel fażi ta’ ħajjitna meta nkunu għadna żgħażagħ, iżda tul il-ħajja kollha.

“Dan ikompli jikkonferma kemm aħna nqisu li l-edukazzjoni hija pilastru ewlieni għall-isport ġewwa f’pajjiżna. Għal żgħażagħ studenti li se jkollhom din l-opportunità se tkun ta’ benefiċċju kbir għax ħa jkollhom is-sapport neċessarju tal-MATSEC u assoċjazzjonijiet tal-edukazzjoni biex japprezzaw ix-xogħol u d-dedikazzjoni li għandhom l-istudenti għall-isport”, temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Grima.

Il-Prinċipal tal-Kulleġġ Paul Xuereb, qal li, “għall-kulleġġ, l-istudent jiġi l-ewwel. Kull student huwa meqjus individwalment u mhux bħala numru. Għalhekk fassalna numru ta’ programmi ta’ studju biex nindirizzaw il-bżonnijiet u l-ħtiġijiet varji tal-istudent”. Huwa żied jgħid li permezz ta’ din l-inizjattiva, il-kulleġġ se jilħaq aktar żgħażagħ fejn se jkollhom iċ-ċans li jagħżlu kull tip ta’ suġġett aċċettat mill-MATSEC. 

Il-Kap tal-Iskola Nazzjonali tal-Isport Robert Magro spjega kif studenti li jattendu l-Iskola Nazzjonali tal-Isport f’livell sekondarju u jkomplu l-istudju tagħhom f’livell post-sekondarju kienu qed jieqfu mill-isport jew isibuha diffiċli jlaħħqu kemm mal-istudju u t-training. Għaldaqstant, mis-sena akkademika li jmiss wara diversi laqgħat mal-partijiet interessati, irnexxilna nsibu skema fejn l-istudenti se jkollhom l-opportunità li jistudjaw u jkomplu bit-training fil-qasam sportiv tagħhom u b’hekk inkomplu ngħollu r-riżultat fil-kamp sportiv.

Aktar informazzjoni dettaljata fuq il-programmi ta’ studju, tinsab fuq is-sit: www.jc.um.edu.mt/study/programmes. Studenti prospettivi jistgħu japplikaw bejn l-1 u l-10 ta’ Awwissu billi jżuru s-sit: www.jc.um.edu.mt/journey/admissionsadvice/apply.

More in Socjali