80,000 jieħdu sehem fil-Gay Pride Parade fi Brussell....Il-presidenza ta' Malta fuq quddiem
Malta turi bil-provi li hi fil-quċċata fejn jidħlu LGBTIQ's....protagonista wkoll f'zebra crossing rainbow f'Schuman fi Brussell
minn John Busuttil
Fi Brussel il-ġimgħa li għaddiet ġie ċċelebrat is-27 anniversarju meta l-omosesswalita tneħħiet mil-lista ta' mard mill-World Health Organisation. Bħal kull sena f'dawn iż-żminijiet tiġi organizzata waħda mill-akbar gay pride parades tant li din is-sena kien hemm 80,000 parteċipant. Għalkemm l-aktar ħaġa interessanti kienet li din id-darba f'din il-parata spettakolari u street party enormi li jdum sejjer sa tard mal-lejl kien hemm il-parteċipazzjoni tal-Presidenza ta' Malta. Bit-tim Malti tal-EPSCO mmexxi minn Antonella Gatt (technical attache), Daniela Sabino (Senior Policy Officer), Evgenia Lavrinenko (administrative and support assistent fid-dipartiment EPSCO), Kaloyan Kolev (administrative and support assistent fid-dipartiment EPSCO) u Silvan Agius (direttur tad-drittijiet tal-bniedem u integrazzjoni). Dawn ħadmu biex isem Malta li għat-tieni sena konsekuttiva spiċċa fil-quċċata minn 49 pajjiż Ewropew f'dak li huma drittijiet ċivili, ikun fuq quddiem.
Tant li ġiet inawgurata zebra cross 'rainbow' b'diversi kuluri tal-LGBTIQ quddiem l-istituzzjonijiet Ewropej fil-pjazza Schuman. Barra id-debate li sar matul il-ġimgħa fil-Bozar u bil-preżenza fil-gay pride parade fejn kienu fuq quddiem bil-banner tal-presidenza Maltija u anke bi flokkijiet magħmula apposta għal dawk li pparteċipaw. L-ILLUM kien preżenti u wieħed seta jammira d-diversi fotografi li bdew jieqfu u jiġbdu r-ritratt tal-banner Maltija fejn anke kien hemm mumenti li diversi persuni minn dawk li kienu qed isegwu bdew jgħajtu 'Malta' 'Malta. Filwaqt li kienu ħafna l-persuni LGBTIQ li tkellmu magħna u qalulna 'grazzi Malta talli tinsabu fuq quddiem tiġġieldu għad-drittijiet tagħna.'