Filmat | 'Nuqqas ta’ pjan u struttura... wassal għal żieda fil-kirjiet'

Il-popolazzjoni tiżdied iżda postijiet fejn imorru jgħixu le. Domanda, disponibbiltà u prezzijiet tal-kiri għoljin?

Kurt Xerri, avukat u riċerkatur fil-qasam tal-‘housing’
Kurt Xerri, avukat u riċerkatur fil-qasam tal-‘housing’

Is-sitwazzjoni preżenti, fejn il-prezzijiet tal-kirjiet privati għolew sa tali punt li ħafna Maltin ma jifilħux iħallsu għall-kera ta’ xahar bil-pagi li għandhom, hija riżultat ta’ nuqqas ta’ pjanar fis-settur tal-‘housing’ min-naħa tal-Gvern.

Intervista ma Kurt Xerri | Filmat ta James Bianchi

Dan qalu Kurt Xerri, avukat u riċerkatur fil-qasam tal-‘housing’, li spjega lill-ILLUM kif bħala parti mill-istrateġija ekonomika tal-pajjiż, il-Gvern investa f’ċerti swieq partikolari bħall-igaming, u ċerti servizzi finanzjarji, li huma setturi li minħabba xi kwalifiċi jew użu ta’ lingwi partikolari, jirrikjedu numru sostanzjali ta’ ħaddiema barranin jiġu jaħdmu Malta. Xerri sostna li suppost, il-Gvern, preċedenti u preżenti, kellu jipprevedi li investiment daqshekk kbir f’dawn is-setturi, se jattira ħafna ħaddiema bir-riżultat li se jkollhom bżonn joqogħdu xi mkien. “U dak li ma ħasibx għalih il-Gvern; x’se jiġri fil-qasam tal-‘housing’ meta l-popolazzjoni tiżdied daqshekk malajr, u x’effett se jħalli dan fuq il-Maltin.”

Malta qatt ma kien hawn, u s’issa għad m’hawnx  ‘housing policy’

Xerri spjega li din is-sitwazzjoni kellha tiġi prevista qabel. Huwa qal li “d-domanda għall-kirjiet ma rdoppjatx f’sena, iżda l-prezzijiet tal-kirjiet iva,” hekk kif żied jispjega li kieku s-suq mexa b’mod loġiku, il-prezzijiet kienu jirdoppjaw għax id-domanda tirdoppja, u mhux għax ikollok żieda fid-domanda, il-prezzijiet “jisplodu mingħajr kontroll.” Dwar dan, Xerri sostna li irrispettivament mill-partit, il-Gvern għandu tort ta’ nuqqas ta’ pjanar fejn il-‘housing’ ħadd qatt ma ħaseb dwaru, hekk kif Malta qatt ma kien hawn, u s’issa għad m’hawnx ‘housing policy’ iddokumentata kif suppost.

Is-suq ħieles qatt ma jista’ jagħti risposta għall-eżigenzi tan-nies

Xerri spjega li din il-lezzjoni ta’ storja turi ċ-ċiklu li jifforma l-problema tal-kirjiet li kien dejjem magħmul minn suq kompletament liberalizzat li biż-żmien, iwassal għall-kontrolli. Meta dawn il-kontrolli jsiru riġidi żżejjed, jerġgħu jinneċessitaw liberalizazzjoni tas-suq...u hekk jerġa’ jibda ċ-ċirku.

“Il-fatt hu,” tenna Xerri, “li peress li s-suq ħieles qatt ma jista’ jagħti risposta għall-esiġenzi tan-nies, ifalli u jitlob intervent leġiżlattiv ieħor.”

Fil-każ ta’ Malta, is-suq ġie liberalizzat fl-1995, u issa wara 20 sena, ninsabu fil-parti taċ-ċiklu fejn qiegħed jinħass il-bżonn ta’ kontroll tas-suq tal-kera.

“Li jrid isir issa,” sostna Xerri, “huwa li nitgħallmu mill-passat, li ma tistax tikkontrolla s-suq, iżda li liberalizazzjoni kompleta mhux soluzzjoni lanqas.” Huwa spjega li din twassal għal kriżi bħalma qed nesperjenzaw bħalissa, fejn m’hemmx kontroll fuq prezzijiet, rati, tul tal-kirjiet u kundizzjonijiet għall-kirja.

Min-naħa l-oħra, kontrolli riġidi żżejjed ma jaħdmux lanqas, għax dawn ma jinċentivawx lis-sidien ipoġġu l-proprjetà tagħhom għall-kiri u ma jkunx hawn disponnibbiltà. Suq ikkontrollat b’mod riġidu żżejjed ma jagħmilx tajjeb għall-ekonomija, hekk kif is-sid li mhux se jagħmel profitt raġonevoli mhux se joħroġ il-post fuq is-suq u jippreferi jħallih vojt, bħalma ġara sal-1995.

Il-problema l-oħra hija dik legali, li issa għandna sentenza tal-Qorti Ewropea ta’ Strassburgu li tgħid li sid għandu d-dritt jiġġenera profitt adegwat mill-proprjetà tiegħu.

Intervent m’għandux itellef is-suq, iżda joħloq linji gwida ta’ kontroll

Xerri issuġġerixxa li l-intervent li għandu jiġi propost, irid ikun wieħed li jtellef mill-inqas lis-suq. Huwa semma mudelli li ntużaw fil-passat f’pajjiżi bħall-Italja u Franza, fejn il-Gvern jistipula tul minimu tal-kiri, per eżempju mhux inqas minn erba’ snin, jew bħalma sar u ħadem fil-Ġermanja fejn jiġi stipulat li l-kirja ma tistax togħla aktar minn ċertu persentaġġ fuq medda speċifikata ta’ snin.

Bid-differenza ta’ pajjiżi oħra fl-Ewropa fejn il-prezz tal-kirja jiġi determinat ukoll mid-distanza miċ-ċentru, Malta kullimkien viċin, u allura, din il-miżura mhux valida. Xerri qal li l-problema ta’ Malta hija li s-suq tal-kera ‘sploda’ f’daqqa waħda. Huwa qal li kienu ħafna li raw li l-ħafna barranin li se jiġu jaħdmu Malta se jkunu jridu jikru lejn San Ġiljan u Tas-Sliema, allura l-kirjiet f’dak l-inħawi għolew b’mod esaġerat f’qasir żmien. “Hekk kif il-kirjiet fl-inħawi ta’ San Ġiljan għolew wisq għall-bwiet tal-Maltin, dawn kellhom jimxu fl-eqreb raħal, bir-riżultat li għoliet id-domanda f’dawk l-irħula viċini wkoll u għaldaqstant anke l-prezz. B’hekk, il-pajjiż esperjenza inflazzjoni ġenerali li laqtet l-irħula kollha.”

L-ILLUM staqsiet lil Xerri jekk jikkunsidrax bħala każ kritiku n-numru kbir ta’ Maltin li minkejja li jaqilgħu aktar mill-paġa minima, bil-paġa tagħhom ta’ madwar €1,000 fix-xahar ma jifilħux jikru appartament li jiswa bejn €600 sa €800 fix-xahar. Dwar dan, Xerri qal li minkejja s-sitwazzjoni iebsa ta’ dawn in-nies li issa waqgħu taħt faxxa aktar viċin tal-povertà, ma nistgħux nistennew li dawn in-nies se jinqalgħu minn din is-sitwazzjoni sempliċiment permezz ta’ kontroll fuq il-kirjiet.

Xerri qal li skont hu, il-problema ta’ dawn in-nies hija li filwaqt li l-prezz tal-kirjiet qiegħed jiżdied, il-pagi tagħhom baqgħu fejn kienu, u għaldaqstant l-intervent biex dawn in-nies jinqalgħu mill-faxxa tal-povertà li f’daqqa waħda waqgħu fiha, irid ikun wieħed ħolistiku permezz ta’ żieda fil-pagi biex jirrifletti l-inflazzjoni li esperjenzaw fil-prezz tal-kirjiet. “Dan huwa spjegat ukoll fir-rapport li ħarġet il-Caritas,” qal Xerri, “li ġie bbażat biss fuq persuni kunsidrati bħala każi soċjali, u li juri riżultati aktar xokkanti kieku jżid ukoll din il-faxxa ta’ nies b’paġi baxxi.”

Hemm bżonn jinħoloq qafas li jirregola r-relazzjoni bejn sidien u inkwilini

“Il-Gvern x’inhu jagħmel biex ikabbar il-provvista ta’ social housing?” staqsa Xerri.

Huwa qal li l-intervent irid ikun wieħed ħolistiku u strutturat, fejn mhux biss jiġu kontrollati l-kirjiet, iżda billi jinħoloq qafas li fih ir-relazzjoni bejn is-sid u l-inkwilin tkun irregolata fir-rigward tat-tul tal-kirja u l-persentaġġ li din tista’ togħla tul perjodu ta’ snin.

Mistoqsi dwar is-sitwazzjoni tal-prezzijiet li rduppjaw fl-aħħar sena, Xerri saħaq li sfortunatament għal ħafna, dawn il-prezzijiet issa qatt ma jistgħu jonqsu u kwalunkwe kontroll li jinħoloq minn issa se jservi biss biex dawn ma jibqgħux jiżdiedu aktar mingħajr kontroll.

“Żieda fil-kirjiet, fiha effett benefiku wkoll,” qal Xerri, hekk kif spjega li minħabba li issa s-sid qiegħed jinvesti fil-proprjetà, qed jitjieb l-ammont ta’ postijiet fuq is-suq.”

“L-aqwa mod biex jitbaxxew il-prezzijiet huwa li tiżdied il-provvista ta’ postijiet disponibbli, allura l-aħjar inċentivi offruti biex jirriġeneraw il-proprjetà, se jġibu biss riżultati pożittivi u titjib fil-prezzijiet,” tenna Xerri.

Huwa temm jgħid li f’Malta nistgħu nibdew naraw riżultati pożittivi biss meta jiġu implimentati tliet interventi prinċipali, li huma:

  • Li jiġi regolarizzat is-suq, li ma jfissirx iffriżar tal-prezzijiet tal-kirjiet, iżda ħolqien ta’ linji gwida dwar tul tal-kirja u l-ammont li bih din tista’ tiżdied b’mod legali u ġust tul perjodu ta’ żmien.
  • Li jkun hawn sussidju min-naħa tal-Gvern għal dawk li xorta għandhom bżonn l-għajnuna, tkun kif tkun is-sitwazzjoni tal-kirja, għax għal xi raġuni jew oħra xorta mhux sa jlaħħqu mal-ispiża.
  • U fl-aħħar, li tiżdied il-provvista ta’ proprjetà disponibbli fuq is-suq sabiex tibbilanċja l-livelli ta’ domanda u disponibbiltà.

More in Socjali