Fi tliet snin: Ix-xirja għolitlek b'€53 u kont tad-dawl u l-ilma raħaslek b'€30

...kull xahar jekk int familja b'żewġt itfal u bi dħul baxx

Ix-xirja għoliet. Id-dawl u l-ilma raħsu
Ix-xirja għoliet. Id-dawl u l-ilma raħsu

Ir-rapport maħruġ ilbieraħ mill-Caritas juri kif fi tliet snin familji b'żewġt itfal u bi dħul baxx raw ix-xirja tagħhom relatata mal-ikel tiżdied b'€53. Fil-fatt l-istess studju juri kif għall-ikel, dawn il-familji llum qed jonfqu madwar €517.56 fix-xahar biex ikunu jistgħu jixtru ammont ta' ikel bażiku li bih il-familja tkun tista' tgħix u jkollha nutrizzjoni adegwata. Dan jimmarka żieda ta' €53 mill-istess basket li l-Caritas kienet użat fi studju simili fl-2012 fejn l-ispiża totali għal-istess tip ta' familja kien tela' għal €467.27 fix-xahar. 

Min-naħa l-oħra, l-istess rapport jikkonferma tnaqqis konsiderevoli fl-ispiża tal-istess familja f'dak li jikkonċerna dawl u l-ilma, wara t-tnaqqis fil-kontijiet għall-familji li wettaq il-Gvern preżenti skont il-wegħda elettorali tal-Partit Laburista. Fil-fatt il-basket tal-Caritas juri kif fuq id-dawl biss din il-familja ffrankat €24 fix-xahar, minn €36.85 fl-2012 għal €13 fl-2015. L-ilma wkoll raħas għal din il-familja hekk kif il-ispiża ta' €15.47 fl-2012 issa niżlet għal €10, jew roħs ta' €5.47 fix-xahar. 

Intant ir-rapport juri wkoll li l-istess familja ffrankat b'madwar €4 fix-xahar fi spejjeż relatati mal-gass u dan hekk kif fl-aħħar xhur kien reġistrat tnaqqis fiċ-ċilindri tal-gass. Dan ir-roħs iżda jittiekel kollu u iktar minn spiża akbar ta' €6 fuq oġġetti relatati mal-edukazzjoni (xiri ta' stationery u oġġetti użati fl-iskola). 

More in Socjali