Id-demm ta’ kulħadd għandu l-istess kulur u l-istess valur

"Trid tkun bla demm biex tisma’ lkarba ta min qiegħed jilgħabha mal-mewt u tibqa’ passiv" - L-Isqof t’Għawdex Mario Grech

L-Isqof Mario Grech iżur donaturi tad-demm fl-Isptar t'Għawdex
L-Isqof Mario Grech iżur donaturi tad-demm fl-Isptar t'Għawdex

“Trid tkun bla demm biex tisma’ lkarba ta min qiegħed jilgħabha mal-mewt u tibqa’ passiv.” Dawn huma l-kliem tal-Isqof t’Għawdex Mario Grech f’ċirkulari li ħareġ biex tinqara fil-knejjes tad-djoċesi tiegħu.

Grech fakkar kif il-jum tal-14 ta’ Ġunju, d-dinja kollha tiċċelebra l-Jum Dinji tad-Donaturi tad-Demm. “Dan il-Jum ifakkarna fil-ġest kbir u sabiħ ta’ ħafna nies li, imqanqlin mill-imħabba lejn l-oħrajn, regolarment jagħtu ddemm. Hu ġest żgħir ta’ ftit ħin, imma li jista’ jsalva ħajja ta’ persuna.” 

L-Isqof Grech ikompli jgħid li l-ħajja tal-lum spiss ma tħalliniex naħsbu biżżejjed fuq dak li jkun qed jiġri madwarna. “Għad li meta niġu bżonn, nistennew li nsibu s-servizzi kollha tas-saħħa li neħtieġu, ftit nirriflettu kemm persuni kuljum, minħabba raġunijiet diversi ta’ saħħa, fl-isptarijiet tagħna jingħataw id-demm. Forsi rridu ngħaddu minnu aħna jew xi ħadd mill-familjari tagħna biex nindunaw kemm hu bżonnjuż u prezzjuż iddemm! Id-demm ma jinxtarax. Id-demm ma fihx prezz. Il-ħtieġa tad-demm għall-kura tal-morda ma tonqos qatt. Anzi, it-tobba u l-infermiera jgħidulna li d-domanda dejjem tiżdied.” 

Żied jgħid li quddiem din il-ħtieġa kontinwa, ma nistgħux inkunu indifferenti. “Diversi Missirijiet tal-Knisja għallmuna li jekk ma naqsmux il-ġid tagħna mal-oħrajn, inkunu qisna qed nisirqu jew nheddu l-ħajja ta’ min ikun fil-bżonn. Bl-għoti tad-demm tagħna nkunu qed nagħtu l-ħajja lil min għandu saħħtu fil-periklu.”

L-Isqof t’Għawdex saħaq li aktar ma’ toktor u tissaħħaħ id-drawwa li persuni jagħtu d-demm, aktar inkunu qed nibnu kultura ta’ ġenerożità u altruwiżmu. “Meta nagħtu d-demm inkunu qed nagħtu lilna nfusna lill-oħrajn; inkunu qed nifirxu aktar l-ispirtu ta’ solidarjetà, partikularment ma’ min hu marid u dgħajjef; inkunu qed ninsġu sens qawwi ta’ fraternità u nirrikonoxxu li aħna l-bnedmin ilkoll demm wieħed – id-demm ta’ kulħadd għandu l-istess kulur u l-istess valur.”

Waqt li sellem lil dawk li b’mod regolari jmorru jagħtu ddemm ħeġġeġ oħrajn, speċjalment żgħażagħ, biex jagħmlu l-qalb u ma jibqgħux lura milli jinvestu mħabbithom fil-bank tad-demm. 

More in Socjali