Imħabbra operazzjoni konġunta fiċ-ċentru tal-Mediterran

Il-Médecins Sans Frontières – tobba mingħajr fruntieri (MSF) ħabbru li l-operazzjoni tagħhom ma’ MOAS, li permezz tagħha ħa jsalvaw eluf ta’ ħajjiet ta’ dawk li jpoġġu ħajjithom f’riskju sabiex ifittxu tama għall-futur fl-Ewropa, ħa tkun għaddejja minn Mejju sa Ottubru. L-organizzazzjoni qalet li s-sena l-oħra kienet l-agħar sena fejn fiha kien hemm l-akbar numru ta’ mwiet fil-Mediterran – fejn aktar minn 3,400 persuna tilfu ħajjithom waqt il-vjaġġ tagħhom. 

Fuq is-sit tagħha, l-MSF ddikjarat li “din is-sena qed nistennew li jkun hemm numru akbar ta’ imwiet, għax hemm inqas assistenza għal dgħajjes li jitolbu għall-għajnuna.”

“L-operazzjoni tat-tiftix u salvataġġ tan-navy Taljana, il-Mare Nostrum, twaqqaf f’Novembru tal-2014 minħabba nuqqas ta’ ffinanzjar mill-gvernijiet Ewropej u s’issa għad m’hemm xejn minfloku.” Żiedet tgħid l-MSF. 

“L-Ewropa tat dahra lil dawk in-nies li qed jaħarbu mill-agħar kriżijiet umanitarji tal-era tagħna,” qal Arjan Hehenkamp, id-direttur ġenerali tal-MSF.

Hu żied jgħid li meta ingħalqu l-bibien, dawn l-irġiel, in-nisa u t-tfal huma mġiegħla jpoġġu ħajjithom f’riskju u jaqsmu l-baħar Mediterran f’vjaġġ perikoluż.

“Dis-sitwazzjoni mhux ħa tisparixxi sempliċiment għax ninjorawha,” wissa, waqt li żied jgħid li l-Ewropa għandha kemm ir-riżorsi imma wkoll ir-risponsabilità li tara li ma jkunx hemm aktar imwiet fuq l-għatba tal-bieb tagħha stess – u li għandha tara x’ħa tagħmel biex twaqqaf dan kollu.

“Fix-xhur li ġejjin, il-MSF u MOAS flimkien ħa jkunu stazzjonati fiċ-ċentru tal-Mediterran abbord il-MY Phoeniz – bastiment ta’ salvataġġ ta’ 40 metru,” iddikjara Hehenkamp. 

Il-MY Phoenix huwa mgħammar b’dinghy riġidu li jiflaħ għall-qawwa tal-baħar, kif ukoll drones ta’ sorvelljanza, u li jġorr crew ta’ 20 li jagħtu l-għajnuna biex isalvaw il-ħajja ta’ dawk li jitolbu l-għajnuna. 

“Il-motivazzjoni tagħna hija sempliċi,” wal Martin Xuereb, id-direttur tal-MOAS. “Ħadd ma ħaqqu jmut, u aħna ħa nagħmlu dak kollu li nistgħu biex niżguraw  li dawk li jaqsmu dan il-baħar f’dgħajjes li ma jifilħux għal dawn it-tip ta’ vjaġġi ma jegħrqux.”

“Meta nedejna l-operazzjonijiet tagħna s-sena l-oħra, salvajna 3,000 persuna f’60 jum. Nittamaw li din is-sena jkollna aktar suċċess u noperaw għal sitt xhur flimkien mal-MSF.”

Xuereb spjega kif sakemm ikun hemm bidla fil-politika, in-nuqqas ta’ ħeġġa biex jingħataw alternattivi siguri min-naħa Ewropea qed jiswa l-ħajja tan-nies. Huwa żied jgħid li ħa jkun hemm żewġ tobba u infermiera abbord. 

“Ħa jkunu mgħammra b’kura ta’ emerġenza li tista’ ssalva l-ħajjiet, kif ukoll biex jingħata trattament għal diżidratazzjoni, ħruq minn fuel, ħruq mix-xemx  u ipotermja – li huma fost l-aktar problemi komuni li jaffaċċjaw nies li jkunu qattgħu jiem fuq il-baħar,” żied jgħid.  

“Aħna ma nistgħux intemmu l-gwerer jew il-miżerja li ġġiegħel lin-nies jitilqu minn pajjiżhom, imma nistgħu nnaqsu n-numru ta’ imwiet u nagħtu assistenza kritika għal dawk l-eluf ta’ bnedmin li ħa jaqsmu l-Mediterran dan is-sajf” temm jgħid.

Hehenkamp qal li l-gvernijiet Ewropej ippreferew jagħtu importanza għas-sorveljanza u t-tħaris tal-fruntieri, milli għal li jsalvaw l-ħajja tan-nies.

More in Socjali