Ikun min ikun l-Arċisqof tiegħi jiena nħares lejn Kristu – Charles Scicluna

Hemm bżonn li nħejju ruħna b’atteġġjament pożittiv

Ikun min ikun l-Arċisqof tiegħi jiena nħares lejn Kristu – Charles Scicluna
Ikun min ikun l-Arċisqof tiegħi jiena nħares lejn Kristu – Charles Scicluna

“L-istennija tagħna għal Arċisqof ġdid trid tkun magħmula qabel xejn minn talb ħerqan. It-talb ħerqan minnu nnifsu jurina li  l-istennija hija stennija ta’ rigal li ġej minn Alla.” Dan qalu l-Isqof Charles Scicluna fil-messaġġ pastorali tiegħu għar-Randan 2015.
Scicluna qal li meta aħna nitolbu għall-grazzja ta’ Arċisqof ġdid, qegħdin ngħidu b’att ta’ fidi li din hija xi ħaġa li nirċevuha minn idejn Alla.

“Dan  it-talb ħerqan irid isir ukoll b’fiduċja fit-tjubija tal-Mulej li hu Missier tagħna, allura b’fiduċja serena, mingħajr ħafna qtigħ il-qalb jew inkwiet żejjed. U għalhekk, it-talba tagħna u l-istennija tagħna tkun stennija ta’ distakk matur, li jwassalna biex nemmnu li, jiġi min jiġi, huwa don tal-Mulej u aħna nilqgħuh.” 

L-Isqof kompla jgħid “L-ewwel nett, minn issa, mingħajr ma nafu min hu l-Arċisqof  il-ġdid hemm bżonn li nħejju ruħna b’atteġġjament pożittiv lejn min se jkun ir-ragħaj tagħna. Qabel xejn irridu nħarsu lejn Kristu r-Ragħaj it-Tajjeb għaliex huwa r-Ragħaj tagħna. Jiena nista’ nħares lejn min ikun magħżul u ngħid ‘ma tantx jogħġobni’, jew ‘ma tantx jinżilli’, imma l-fidi matura tiegħi ġġegħelni nħares lejh u ngħid ‘Kristu qiegħed ikellimni permezz tiegħu, Kristu qiegħed imexxini permezz tiegħu, għaliex Kristu huwa r-Ragħaj’.”

Scicluna qal li l-atteġġjament t’antiċipazzjoni jfisser impenn leali, imma impenn u mhux qtigħ il-qalb. “Fl-istess ħin ifisser ukoll libertà tal-ulied; jiena m'inix marbut mal-persuna tal-Arċisqof imma ma’ Ġesù Kristu. Ikun min ikun l-Arċisqof tiegħi jiena nħares lejn Kristu, għax hu dak li jmexxini u jiggwidani.”
 

More in Socjali