Il-psikjatri Jean Pierre Giorgio, Ethel Felice u George Debono spjegaw lill-ġurati li meta evalwaw lil Theuma fl-2020 u fl-2021 sabuh fi stat ta' ansjetà persistenti u biża', filwaqt li kien qed jesprimi rimors dwar l-involviment tiegħu fil-każ.
Skont ix-xhieda tagħhom, Theuma qalilhom li qabel il-qtil kien jaf x'kien se jiġri, iżda li wara l-assassinju "infetħulu għajnejh" u rrealizza l-konsegwenzi serji ta' dak li kien involut fih.
It-tobba rrakkuntaw ukoll li Theuma qalilhom li wara l-qtil kien mar għand Yorgen Fenech u qallu:
"Se jaqbduna. Se nitlef kollox, anke lil ibni."
Skont il-psikjatri, Theuma sostna li Fenech tah mediċina kontra l-ansjetà biex jikkalma, filwaqt li aktar tard beda jieħu dik il-mediċina flimkien mal-whisky.
Jiddeskrivu l-attentat ta' suwiċidju
Il-qorti semgħet ukoll kif Theuma ddeskriva lill-psikjatri l-attentat ta' suwiċidju tiegħu f'Lulju tal-2020, lejlet ma kellu jerġa' jixhed fil-kumpilazzjoni.
Skont ix-xhieda tagħhom, Theuma qal li l-ewwel xorob flixkun aċtu, imbagħad ipprova jaqta' għonqu, u wara ta daqqiet ta' sikkina f'żaqqu.
Huwa qal ukoll li pprova jaqbeż minn gallarija, iżda ma rnexxilux minħabba d-demm li kien tilef.
Il-psikjatri qalu wkoll li Theuma kien esprima x-xewqa li Matthew Caruana Galizia xi darba jaħfirlu.
"Kien kapaċi jixhed"
Mistoqsija dwar il-konklużjonijiet tagħhom, it-tliet esperti spjegaw li ma kienx xogħolhom jivverifikaw il-veraċità ta' dak li qalilhom Theuma, iżda biss jiddeterminaw jekk kienx mentalment kapaċi jifhem il-proċeduri u jagħti x-xhieda tiegħu.
Huma kkonkludew li, minkejja l-problemi psikoloġiċi li kien qed jesperjenza, Theuma kien kapaċi jixhed, għalkemm irrakkomandaw li s-seduti ma jkunux twal wisq minħabba l-istat emozzjonali tiegħu.
Grupp WhatsApp ma' Fenech, Schembri u Valletta
Aktar tard fis-seduta, l-Ispettur Brian Paul Camilleri xehed dwar grupp ta' WhatsApp li nstab fuq il-mobile ta' Yorgen Fenech, bl-isem "No Valletta, No Party".
Skont ix-xhieda tiegħu, il-grupp kien jinkludi lil Yorgen Fenech, l-eks Deputat Kummissarju Silvio Valletta, l-eks Chief of Staff Keith Schembri, l-eks CEO tal-MFSA Joseph Cuschieri, kif ukoll Kenneth Azzopardi.
Il-ġurati raw ukoll ritratt ta' Fenech ma' Cuschieri, kif ukoll filmat li fih Joseph Cuschieri u Kenneth Azzopardi jidhru jinżlu mid-dgħajsa ta' Fenech f'Portomaso.
Mistoqsi dwar il-kontenut tal-grupp, Camilleri qal li jiftakar li kien jeżisti, iżda ma setax jiftakar il-messaġġi li kien fih.
Twissija mill-Imħallef wara argumenti fl-awla
Is-seduta kienet ikkaratterizzata wkoll minn diversi argumenti bejn il-prosekuzzjoni u d-difiża, li wasslu lill-Imħallef Edwina Grima biex twissi lill-avukati dwar l-imġiba tagħhom waqt il-proċeduri.
Aktar kmieni matul il-jum, il-Prosekutur Godwin Cini u l-avukat tad-difiża Charles Mercieca instabu ħatja ta' disprezz lejn il-Qorti u ġew immultati €50 kull wieħed wara argument dwar dokumenti esebiti fil-ġuri.
L-Imħallef wissiet li l-avukati ma għandhomx jinsew li qed jipparteċipaw fi proċess solenni quddiem ġurija, filwaqt li avżat li inċidenti simili fil-futur jistgħu jwasslu għal passi dixxiplinarji jew pieni aktar serji.