Il-prosekuzzjoni titlob il-piena massima ta’ ħabs għal Lorin Scicluna – “Ma batiex biżżejjed?” tistaqsi d-difiża
Il-prosekuzzjoni tisħaq fuq il-gravità tal-inċident ta’ hit-and-run, filwaqt li d-difiża twissi li Scicluna m’għandux jingħata piena aktar ħarxa minħabba r-rabja pubblika wara li ġie lliberat mill-akkużi ta’ qtil. Is-sentenza mistennija tingħata l-Ħamis fid-9am.
minn Jaelle Borg
Il-prosekuzzjoni talbet lill-Qorti timponi l-piena massima prevista mil-liġi, inkluż priġunerija effettiva, fuq Lorin Scicluna, wara li nstab ħati li kkaġuna ġrieħi gravi lil raġel f’inċident ta’ hit-and-run fl-2019. Min-naħa tagħha, id-difiża appellat għal piena minima, bl-avukat Edward Gatt jistaqsi jekk il-klijent tiegħu għadux ma batiex biżżejjed matul is-snin li dam għaddej il-proċess kriminali.
Waqt is-sottomissjonijiet dwar il-piena li saru l-Erbgħa, il-prosekutur Abigail Caruana Vella saħqet fuq il-gravità tal-inċident, filwaqt li fakkret kif il-vittma, May Malimi, kien miexi għall-affari tiegħu meta ntlaqat minn vettura b’daqqa tant qawwija li kissret il-windscreen tal-karozza.
Il-vittma sofra diversi ksur fl-għadam u ġrieħi serji oħra, tant li kellu bżonn intervent kirurġiku li matulu ntużaw biċċiet tal-metall u viti biex tiġi ttrattata waħda mill-ksur li ġarrab.
Il-prosekuzzjoni enfasizzat ukoll li, minkejja l-gravità tal-ħabta, il-vittma tħalla fit-triq mingħajr ma s-sewwieq waqaf biex jagħtih l-għajnuna.
Caruana Vella ddeskriviet l-inċident, li skont il-prosekuzzjoni kien motivat mir-razziżmu, bħala wieħed tal-mistħija, filwaqt li insistiet li mġiba bħal din m’għandhiex post fis-soċjetà Maltija.
Il-prosekuzzjoni talbet ukoll li tiġi imposta multa b’rabta mal-kontravvenzjoni relatata mas-sewqan tal-vettura.
Id-difiża titlob il-piena minima: “Ma batiex biżżejjed?”
Min-naħa tiegħu, l-avukat difensur Edward Gatt oġġezzjona bil-qawwa għat-talba tal-prosekuzzjoni u appella lill-Qorti biex timponi piena eqreb lejn il-minimu previst mil-liġi.
Gatt sostna li Scicluna diġà għadda minn snin ta’ tbatija minħabba akkużi serji li minnhom eventwalment ġie lliberat minn ġurija, u staqsa jekk ikunx ġust li issa jingħata l-piena massima għar-reati li tagħhom instab ħati.
“Mhux bata biżżejjed matul dan il-proċess inġust?” staqsa l-avukat, filwaqt li saħaq li l-piena għandha tirrifletti biss ir-reati li tagħhom il-klijent tiegħu nstab ħati.
Huwa wissa li l-Qorti m’għandhiex tħalli r-rabja pubblika li qamet wara l-verdett tal-ġurija tinfluwenza d-deċiżjoni tagħha dwar il-piena.
“Aħna qegħdin hawn biex nagħmlu ġustizzja,” sostna Gatt, filwaqt li insista li s-sentenza m’għandhiex tintuża bħala mezz biex tikkumpensa għall-fatt li Scicluna ġie lliberat mill-akkużi l-aktar serji li kien qed jiffaċċja.
L-avukat argumenta li l-ħelsien mill-akkużi ta’ qtil u attentat ta’ qtil ma jistax iservi ta’ raġuni biex Scicluna jingħata piena aktar ħarxa fuq ir-reati l-oħra li tagħhom instab ħati.
Gatt għamel referenza wkoll għall-fatt li l-verdett ta’ ħtija fil-każ tal-hit-and-run intlaħaq b’maġġoranza ta’ sitt voti kontra tlieta.
Filwaqt li rrikonoxxa li l-Qorti mhijiex legalment marbuta li tqis il-maġġoranza tal-voti meta tiġi biex tiddetermina l-piena, huwa sostna li din xorta tista’ tagħti indikazzjoni ta’ kif il-ġurati evalwaw il-każ.
Huwa ddeskriva l-verdett bħala wieħed “għaqli ħafna” u appella biex il-maġġoranza relattivament żgħira titqies fid-deċiżjoni dwar il-piena.
Scicluna lliberat minn seba’ mid-disa’ akkużi
Scicluna, eks suldat tal-Forzi Armati ta’ Malta, ġie lliberat minn sebgħa mid-disa’ akkużi li kien qed jiffaċċja, fosthom il-qtil ta’ Lassane Cisse Souleymane u l-attentat ta’ qtil ta’ Mohammed Jallow u Ibrahim Bah, li kienu sfaw fil-mira ta’ tiri ta’ arma tan-nar f’Ħal Far fis-6 ta’ April 2019.
Il-ġurija lliberatu mill-akkużi ta’ qtil u attentat ta’ qtil b’maġġoranza ta’ tmien voti kontra wieħed.
Madankollu, Scicluna nstab ħati, b’sitt voti kontra tlieta, li kkaġuna ġrieħi gravi lil May Malimi f’inċident separat ta’ hit-and-run fl-1 ta’ Frar 2019.
Huwa nstab ħati wkoll, b’mod unanimu, li saq vettura mingħajr pjanċi tar-reġistrazzjoni.
Il-verdett ingħata l-Ħadd filgħaxija, wara diversi sigħat ta’ deliberazzjoni mill-ġurija, fi proċess presedut mill-Imħallef Natasha Galea Sciberras.
Id-difiża tqajjem dubji dwar il-verżjoni tal-vittma
Fis-sottomissjonijiet tiegħu, Gatt qajjem ukoll dubji dwar iċ-ċirkostanzi tal-inċident ta’ Frar 2019, filwaqt li sostna li dan qatt ma kien ġie rrappurtat speċifikament kontra Scicluna.
L-avukat irrimarka li, skont il-verżjoni tal-vittma, l-inċident seħħ fit-3 ta’ Frar 2019 u mhux fl-1 ta’ Frar.
Huwa sostna wkoll li l-vittma kien involut fi ġlieda qabel ma biddel il-verżjoni tiegħu biex jgħid li kien intlaqat minn karozza.
Gatt argumenta li l-gravità tar-reat għandha tiġi evalwata fuq il-fatti u ċ-ċirkostanzi tagħha stess, mingħajr ma tiġi influwenzata mill-avvenimenti li seħħew wara.
L-avukat ġibed l-attenzjoni wkoll għall-kondotta relattivament nadifa ta’ Scicluna, għall-imġiba rispettabbli u kollaborattiva tiegħu mal-Pulizija matul l-investigazzjonijiet, kif ukoll għall-fatt li dejjem osserva l-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest.
Huwa insista li l-liġi tagħti lill-Qorti d-diskrezzjoni li timponi piena bejn il-minimu u l-massimu stabbiliti, u sostna li ċ-ċirkostanzi tal-każ jiġġustifikaw piena fl-aktar livell baxx possibbli.
Matul is-seduta tal-Erbgħa, Scicluna deher emozzjonat ħafna u f’diversi mumenti nfaqa’ jibki waqt li l-avukati kienu qed jagħmlu s-sottomissjonijiet tagħhom.
Il-Qorti mistennija tagħti s-sentenza tagħha l-Ħamis fid-9am.
Għall-Avukat Ġenerali dehru l-avukati Darlene Grima, Abigail Caruana Vella u Michaela Aquilina, filwaqt li Scicluna qiegħed ikun difiż mill-avukati Edward Gatt, Kris Busietta u Alessandro Farrugia.
Il-proċess qiegħed jinstema’ quddiem l-Imħallef Natasha Galea Sciberras.
