“Kont naħdem sa 12-il siegħa kuljum u nilqa’ madwar 10 klijenti” – Kolombjana tixhed dwar burdell fil-Fgura
Il-mara qalet li kellha dejn ta’ €4,000 mal-akkużat Joseph Zammit għall-biljetti tal-ajru, filwaqt li mill-qligħ tagħha kienu jitnaqqsulha €150 fil-ġimgħa għall-akkomodazzjoni.
minn Jaelle Borg
Mara Kolombjana xehdet fil-Qorti li kienet taħdem sa 12-il siegħa kuljum f’burdell f’Fgura, fejn kienet tilqa’ medja ta’ 10 klijenti kuljum, filwaqt li parti mill-flus li kienet taqla’ kienu jmorru biex tħallas dejn ta’ €4,000 li kellha mal-akkużat Joseph Zammit.
Waqt ix-xhieda tagħha permezz ta’ video-conference l-Erbgħa, il-mara spjegat kif kienet ġiet Malta biex taħdem fil-prostituzzjoni wara li għaddiet minn diffikultajiet finanzjarji serji f’pajjiżha. Hija qalet li, minkejja li kienet taf x’tip ta’ xogħol kienet se tagħmel, ma kinitx ġiet infurmata bil-kundizzjonijiet kollha, fosthom li kellha tħallas €150 fil-ġimgħa għall-akkomodazzjoni.
Zammit qed jiffaċċja disa’ akkużi b’rabta ma’ reati allegatament imwettqa fl-20 ta’ Ottubru 2026 jew qabel, fosthom ħasil ta’ flus, traffikar ta’ persuni għall-finijiet ta’ sfruttament, sfruttament sesswali, arrest jew detenzjoni illegali, użu ta’ vjolenza jew koerċizzjoni, żamma ta’ persuni kontra r-rieda tagħhom f’burdell u reċidiva.
Dejn ta’ €4,000 biex tiġi Malta
Il-mara rrakkontat li kienet ġiet Malta għall-ewwel darba fi Frar li għadda, wara li ħabiba tagħha qaltilha li kienet taf persuna li setgħet tgħinha taqla’ l-flus.
Wara li għaddiet id-dettalji tagħha, hija allegat li Zammit ċemplilha u kellimha permezz ta’ video call sabiex ikun jista’ jaraha.
Skont ix-xhud, waqt din it-taħdita f’Jannar, Zammit spjegalha li kienet se taħdem għalih f’Malta u li kellha tibda b’dejn ta’ €4,000, peress li kien se jħallasilha l-biljetti tal-ajru.
Il-ftehim kien li l-flus li taqla’ jinqasmu bin-nofs bejniethom, filwaqt li d-dejn jitnaqqas mis-sehem tagħha.
Il-mara spjegat li kienet konxja li se taħdem fil-prostituzzjoni, iżda ma kinitx taf li kienet se tintalab tħallas ukoll għall-kera.
Hija qalet li ddeċidiet li taċċetta dan ix-xogħol minħabba l-problemi finanzjarji li kienet qed tiffaċċja, fosthom djun li akkumulaw wara l-mewt ta’ missierha u l-qtil ta’ ħuha.
Spjegat li d-dar ta’ ommha kienet ittieħdet minħabba d-djun u li xogħol ieħor ma kienx se jippermettilha taqla’ biżżejjed flus biex tħallashom fi żmien qasir.
Meta waslet Malta, Zammit allegatament mar jiġborha mill-ajruport u ħadha f’residenza f’Marsaskala, fejn kienu jgħixu wkoll nisa oħrajn.
Skont ix-xhud, madwar sitt nisa kienu jgħixu fl-istess residenza, għalkemm tnejn minnhom telqu ftit wara li waslet hi.
Sa 14-il klijent f’ġurnata waħda
Il-mara spjegat li kienet taħdem f’post f’Fgura, filwaqt li kienet toqgħod f’residenza f’Marsaskala.
Hija qalet li l-ħinijiet tax-xogħol tagħha kienu mid-9am sad-9pm, b’medja ta’ 10 klijenti kuljum. Kien hemm ġranet li fihom kienet tilqa’ sa 14-il klijent, filwaqt li f’oħrajn in-numru kien jinżel għal tmienja.
Ix-xhud sostniet li ma kinitx komda b’dawn is-sigħat twal, hekk kif ftit li xejn kien ikollha ħin biex tistrieħ.
Skont il-verżjoni tagħha, Zammit kien imur fuq il-post tax-xogħol kuljum, fejn kellu wkoll uffiċċju, u kien jagħti istruzzjonijiet dwar kif kellhom jiġu trattati l-klijenti, il-prezzijiet tas-servizzi u kif kellu jitħallas id-dejn.
Il-Qorti semgħet li l-prezz normali kien ta’ €60 għal nofs siegħa. Il-mara allegat ukoll li Zammit kien jagħti istruzzjonijiet biex is-sess orali jsir mingħajr kondom, filwaqt li għal servizzi oħra kellhom jintużaw il-kondoms.
Il-ħlasijiet kienu jsiru jew fi flus kontanti jew permezz ta’ Revolut, f’kont li skont ix-xhud kien jappartjeni lill-akkużat.
Hija spjegat li l-flus kontanti kienu jitpoġġew f’kaxxa komuni u jiġu rreġistrati fuq karta. Zammit imbagħad kien jiġbor il-flus u jagħti lin-nisa s-sehem tagħhom meta jmur għalihom.
Il-mara qalet ukoll li l-klijenti kienu jħabbtu l-bieb u jagħżlu ma’ liema waħda miż-żewġ nisa preżenti jkunu jridu s-servizz.
Fil-kuritur kien hemm kameras tas-sigurtà biex ikun jista’ jidher min qed jidħol, iżda ma kienx hemm kameras fil-kmamar tas-sodda.
Ix-xhud semmiet ukoll li kienu jużaw walkie-talkies, li permezz tagħhom Zammit ġieli kien jagħtihom istruzzjonijiet, fosthom biex ma jaċċettawx klijenti li kienu qed joħolqu problemi.
Kellhom jitolbu permess biex joħorġu waqt il-ħin tax-xogħol
Meta ġiet mistoqsija dwar il-libertà tagħhom li joħorġu mir-residenza, il-mara spjegat li waqt il-ħinijiet tax-xogħol ma kinux suppost jitilqu mingħajr permess.
Hija qalet li anke f’każ ta’ emerġenza kellhom jitolbu l-permess biex joħorġu.
Madankollu, barra mill-ħinijiet tax-xogħol kienu liberi joħorġu, fosthom biex jagħmlu x-xiri jew affarijiet oħra ta’ kuljum.
Wara madwar tliet xhur taħdem f’Malta, il-mara ddeċidiet li tirritorna l-Kolombja.
Hija qalet li fl-aħħar ġurnata tagħha ġabret l-affarijiet personali u Zammit taha lura depożitu ta’ €500 li kienet ħallset fil-bidu. Skont ix-xhud, dan id-depożitu kien jingħata lura biss jekk il-mara tlesti l-perjodu kollu ta’ tliet xhur.
Reġgħet lura Malta għax setgħet taqla’ aktar flus
Wara li rritornat il-Kolombja f’Mejju, il-mara qalet li ma komplietx taħdem fil-prostituzzjoni, iżda bdiet tbigħ il-ħwejjeġ online.
Madankollu, hija sostniet li x-xogħol ma kienx qed iġibilha biżżejjed dħul u għalhekk, f’Settembru, iddeċidiet li terġa’ tiġi Malta.
Din id-darba xtrat il-biljetti tal-ajru hi stess, bi spiża ta’ madwar €1,500, u infurmat lil Zammit li kienet se tirritorna.
Skont ix-xhud, l-akkużat kien diġà qalilha li jekk xi darba tkun trid terġa’ lura, kien se jkollu post għaliha.
Meta mistoqsija jekk il-kundizzjonijiet kinux inbidlu matul it-tieni żjara tagħha, il-mara sostniet li l-imġiba ta’ Zammit kienet differenti.
Hija allegat li kien jibda jirrabja meta tinkiser xi ħaġa jew meta xi ħadd jitlob li jiddepożita l-flus.
Madankollu, ix-xhud ċaħdet li kien hemm xi inċidenti ta’ vjolenza min-naħa tal-akkużat.
Hija kkonfermat li kienet waslet Malta fl-10 ta’ Settembru u baqgħet hawn sakemm saru l-arresti, madwar ġimagħtejn qabel is-seduta tal-Erbgħa.
Il-mara identifikat lil Joseph Zammit fl-awla bħala l-persuna li kienet qed tirreferi għaliha fix-xhieda tagħha.
“Kont naf li ġejja naħdem fil-prostituzzjoni”
Waqt il-kontro-eżami, id-difiża ffukat fuq il-fatt li l-mara kienet taf minn qabel x’tip ta’ xogħol kienet se tagħmel u li kienet irritornat Malta minn jeddha.
L-avukat Arthur Azzopardi staqsieha dwar il-passaport tagħha u jekk kellhiex aċċess għal mezzi ta’ komunikazzjoni matul iż-żmien li kienet taħdem f’Malta.
Il-mara kkonfermat li kienet dejjem żammet il-passaport tagħha, kif ukoll il-mobile b’aċċess għall-internet.
Hija spjegat li kellha SIM card personali u kienet tħallas hi stess għad-data tal-mobile, filwaqt li kien hemm ukoll Wi-Fi fir-residenzi.
Il-Qorti semgħet li n-nisa ma kinux iħallsu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma, iżda kellhom jixtru l-ikel u l-prodotti tat-tindif tagħhom stess.
Meta mistoqsija dwar id-djun li kellha f’pajjiżha, il-mara spjegat li missierha kien issellef flus mill-bank biex jixtri dar, bil-proprjetà titpoġġa bħala garanzija permezz ta’ ipoteka.
Wara mewtu, id-dejn baqa’ pendenti. Hija kkonfermat ukoll li ħuha kien inqatel f’Mejju tal-2024 u għalhekk ma setax jgħinha finanzjarjament.
Ix-xhud qalet li ommha kienet taf li kienet ġejja Malta, iżda ma kinitx qaltilha li kienet se taħdem fil-prostituzzjoni. Minflok, kienet qaltilha li kienet ġejja taħdem ma’ ħabiba.
“Il-problema tiegħi kienet il-flus li kien qed iżommli”
Id-difiża staqsiet lill-mara jekk kellhiex xi lmenti kontra Zammit, partikolarment fid-dawl tal-fatt li kienet iddeċidiet li tirritorna Malta għat-tieni darba.
Ix-xhud wieġbet li kienet taf bil-kundizzjonijiet tax-xogħol u kellha taċċettahom, iżda sostniet li l-problema ewlenija tagħha kienet il-flus li l-akkużat kien qed iżommilha.
Meta mistoqsija dwar il-kundizzjonijiet tal-appartament f’Marsaskala, hija spjegat li kien fih tliet kmamar tas-sodda, iżda l-kamra tagħha kienet żgħira u kien hemm tliet sodod żgħar fiha.
Hija ddeskriviet il-post bħala wieħed fi stat ħażin, bi kċina żgħira ħafna u cooker li ma kienx jaħdem.
Skont ix-xhud, anke l-għamara u l-affarijiet tad-dar kienu fi stat ħażin, għalkemm ikkonfermat li l-appartament kellu provvista tad-dawl u tal-ilma.
Meta Azzopardi staqsieha f’liema mument irrealizzat li setgħet kienet vittma ta’ sfruttament, il-mara sostniet li ma kinitx ġiet Malta kontra r-rieda tagħha u li kienet taf li kienet se taħdem fil-prostituzzjoni.
Hija spjegat li kien hemm ċerti kundizzjonijiet li ma kinitx taqbel magħhom, iżda kienet taf li eventwalment kienet se tirritorna f’pajjiżha.
Il-mara issa qed tgħix f’xelter
Il-mara qalet ukoll lill-Qorti li bħalissa m’għandhiex aċċess għall-flus tagħha, għall-mobile jew għall-passaport.
Hija kkonfermat li, wara li tagħti x-xhieda tagħha, mhux se tkun suġġetta għal projbizzjoni milli tivvjaġġa fl-Ewropa.
Madankollu, meta mistoqsija jekk għandhiex bżonn permess tal-Pulizija biex toħroġ mix-xelter fejn qed tgħix, anke sempliċement biex tmur timxi, hija wieġbet fl-affermattiv.
L-akkużat kien diġà nstab ħati b’rabta ma’ burdell fl-2018
Fl-2018, Joseph Zammit, li kien sid ta’ diversi stabbilimenti tal-massaġġi, kien tressaq il-Qorti flimkien ma’ erba’ nisa Kolombjani fuq akkużi relatati mat-tmexxija ta’ burdell.
Dak iż-żmien, Zammit kien ammetta li l-istabbilimenti tiegħu kienu qed jintużaw għall-prostituzzjoni u kien ġie kkundannat sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin, kif ukoll multa ta’ €450.
Il-kawża attwali qed tinstema’ quddiem il-Maġistrat Lara Lanfranco.
Għall-prosekuzzjoni qed jidhru l-avukati mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali Ramon Bonnett Sladden u Michael Muscat, flimkien mal-Ispetturi Marshal Mallia, John Spiteri u Oscar Baldacchino.
L-akkużat qed ikun assistit mill-avukati Arthur Azzopardi u Franco Debono.
