Tfajla ta’ 16-il sena tinsab fost ħames persuni arrestati mill-Pulizija waqt investigazzjoni dwar suspett ta’ traffikar tad-droga f’San Pawl il-Baħar.
L-operazzjoni bdiet it-Tnejn filgħaxija, wara li l-Pulizija rċeviet informazzjoni li wasslitha biex tagħmel tfittxija f’appartament fil-lokalità.
Erba’ persuni ġew arrestati fuq il-post, fosthom it-tfajla minorenni, raġel ta’ 25 sena u żewġ ġuvintur ta’ 20 sena. Wieħed mill-persuni pprova jaħrab waqt l-intervent, iżda l-Pulizija rnexxielha twaqqfu minnufih.
Waqt it-tfittxija, l-uffiċjali sabu madwar 150 qartas li fihom sustanzi suspettati eroina, kokaina u kannabis. Ġew elevati wkoll madwar €5,000 fi flus kontanti u diversi mowbajls.
L-investigazzjoni kompliet l-għada, it-Tlieta, meta l-Pulizija arrestat mara ta’ 27 sena b’rabta mal-istess każ, biex b’hekk l-għadd ta’ persuni arrestati tela’ għal ħamsa.
Dwar il-każ infetħet inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Renata Farrugia, li ħatret esperti biex jassistu fl-investigazzjonijiet.
Skont il-Pulizija, uħud mill-persuni arrestati mistennija jitressqu l-Qorti llum, l-Erbgħa, għall-ħabta ta’ nofsinhar, quddiem il-Maġistrat Astrid May Grima.