Missier mixli li ta bejn 10 u 15-il daqqa ta’ ħarta lil ibnu għax beża’ mid-dentist

Kien id-dentist stess li rrapporta l-allegat inċident lill-Pulizija. Il-Qorti ħarġet ordni ta’ protezzjoni favur it-tifel sakemm jagħti x-xhieda tiegħu.

Missier ta’ 54 sena, oriġinarjament mill-Bangladesh, tressaq il-Qorti akkużat li ta diversi daqqiet ta’ ħarta lil ibnu waqt żjara għand dentist, wara li t-tifel beda jibża’ minn injezzjoni li kellha tingħatalu bħala parti mit-trattament.

Ir-raġel wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

Il-każ seħħ fit-2 ta’ Novembru, meta l-missier ħa lil ibnu fi klinika dentali biex jingħata kura f’snienu.

Skont dak li xehed l-Ispettur Christian Cauchi, id-dentist ikkuntattja lill-Pulizija wara li allegatament ra lill-missier jagħti lit-tifel bejn 10 u 15-il daqqa ta’ ħarta f’wiċċu.

L-inċident allegatament seħħ meta t-tifel wera biża’ mill-injezzjoni u ma riedx joqgħod għat-trattament.

Il-prosekuzzjoni titlob protezzjoni għat-tifel

Waqt is-seduta quddiem il-Maġistrat Nadine Sant Lia, il-prosekuzzjoni talbet li tinħareġ ordni ta’ protezzjoni favur il-minorenni.

L-Ispettur Cauchi argumenta li din kienet meħtieġa biex jiġi evitat li l-missier jinfluwenza lil ibnu qabel ma t-tifel jitla’ jixhed fil-proċeduri.

Id-difiża oġġezzjonat għal din it-talba, filwaqt li sostniet li ordni bħal din tista’ tfixkel il-ħajja u l-istruttura tal-familja.

L-avukati tal-missier argumentaw ukoll li l-aġir tiegħu kien immirat lejn dak li huwa kien iqis bħala l-aħjar interess tat-tifel.

Madankollu, il-Qorti laqgħet it-talba tal-prosekuzzjoni u ħarġet ordni ta’ protezzjoni li se tibqa’ fis-seħħ sakemm il-minorenni jagħti x-xhieda tiegħu.

Jingħata l-ħelsien mill-arrest

Id-difiża talbet ukoll li l-imputat jingħata l-ħelsien mill-arrest, filwaqt li reġgħet enfasizzat l-effett li l-proċeduri jista’ jkollhom fuq il-familja.

Il-Qorti ġiet infurmata li r-raġel seta’ joqgħod f’indirizz alternattiv ipprovdut minn ħu martu.

Il-Maġistrat Nadine Sant Lia laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest, taħt depożitu ta’ €500 u garanzija personali ta’ €2,000.

Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Christian Cauchi, filwaqt li l-avukati Joseph Calleja Parnis u Roberta Ghigo rrappreżentaw lill-missier.

More in Qrati u Pulizija