Żagħżugħ ta’ 17-il sena deher quddiem il-qorti nhar il-Ħamis, hekk kif ġie akkużat li refa’ jdejh fuq minuri ieħor.
Nhar id-29 ta’ April, żagħżugħ deher fl-għassa tal-pulizija ta’ Ħal Qormi biex jirrapporta inċident li seħħ ftit jiem qabel, preċiżament fl-24 ta’ April. Il-vittma spjega li waqt li kien fil-kumpless Pavi, huwa allegatament qala’ daqqa ta’ ponn mingħand persuna oħra.
L-aggressur ġie identifikat permezz ta’ filmati mis-sistema tas-CCTV tal-istabbiliment. Wara li s-surġent inkarigat analizza l-filmati u tkellem mal-vittma, l-identità tal-akkużat ġiet ikkonfermata.
Jidher li l-argument inqala’ meta l-vittma staqsa lill-akkużat: “Biex qed tidħak?”, b’dan tal-aħħar jirreaġixxi billi allegatament tah daqqa ta’ ponn.
Il-minuri qed jaffaċja akkużi li, mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta’ ħaddieħor f’periklu ċar, ikkaġuna ħsara fil-ġisem jew fis-saħħa ta’ persuna oħra minuri ċċertifikat minn tabib. Il-vittma kellha bżonn tagħmel operazzjoni kaġun tal-feriti.
L-imputat wieġeb mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.
Il-qorti laqgħet it-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq kundizzjonijiet stretti, li ma jersaqx lejn l-istabbiliment Pavi, jiffirma l-għassa kull nhar ta’ Tnejn u nhar ta’ Erbgħa bejn is-7am u s-7pm, kif ukoll depożitu €1,000 u garanzija personali ta’ €10,000.
Il-qorti ordnat ukoll li isem l-imputat ma jixxandarx fuq il-medja minħabba li huwa minuri.
Il-Maġistrat tal-Għassa Astrid-May Grima ppresediet.
L-avukat Julia Micallef Stafrace dehret mill-Uffiċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi James Mallia u Roderick Attard. L-avukat Franco Debono deher għall-akkużat. L-avukata Anthea Zammit dehret bħala parte civile.