Jordan Anthony Gardner, ċittadin Brittaniku ta’ 27 sena, instab ħati li importa cannabis lejn Malta wara operazzjoni ta’ controlled delivery immexxija mill-pulizija.
Il-każ kien jinvolvi żewġ pakketti interċettati mid-Dwana fil-11 ta’ Marzu 2025, li kien fihom madwar 1.49 kilogramma cannabis.
Il-qorti semgħet kif il-pakketti kienu waslu minn Tajlandja u kienu indirizzati lejn appartament f’Tas-Sliema taħt ismijiet foloz.
Wara l-interċettazzjoni, il-pulizija wettqet operazzjoni ta’ controlled delivery sabiex tosserva min kien se jiġbor il-pakketti.
Skont il-provi mressqa fil-qorti, Gardner avviċina lill-kurrieri, ikkonferma li kien qed jistenna l-pakketti, iffirma għalihom u ħadhom fil-pussess tiegħu qabel ma ġie arrestat ftit tal-ħin wara.
Matul il-proċeduri, id-difiża argumentat li l-akkużat ma kienx jaf x’kien hemm fil-pakketti u sostniet li huwa kien qed jiġborhom bħala favur għal persuna li allegatament kienet sid il-post.
Id-difiża qajmet ukoll argument ta’ entrapment, billi sostniet li l-pulizija kienet provokat lir-raġel biex iwettaq ir-reat.
Madankollu, il-qorti ċaħdet dawn l-argumenti u kkonkludiet li l-pulizija aġixxiet skont il-liġi u ma instigatx ir-reat.
Il-qorti osservat li l-operazzjoni kienet awtorizzata u li l-uffiċjali sempliċement taw opportunità lill-akkużat biex jiġbor il-pakketti, mingħajr ma pperswadewh jew iħajruh jikkommetti reat.
Fis-sentenza tagħha, il-qorti qalet ukoll li ma emmnitx il-verżjoni tal-akkużat.
Mill-provi rriżulta li Gardner ma kienx joqgħod fl-indirizz fejn intbagħtu l-pakketti u li l-ismijiet użati fuqhom kienu fittizji.
Il-qorti kkonkludiet li l-akkużat intenzjonalment uża identità u indirizz foloz biex jirċievi l-pakketti, fatt li wera li kien jaf bin-natura illegali tagħhom.
Instabu wkoll oġġetti relatati ma’ attività marbuta mad-droga fil-kamra tal-lukanda fejn kien qed joqgħod Gardner, fosthom miżien diġitali.
Il-qorti qieset dan bħala indikazzjoni oħra ta’ involviment f’attività relatata mad-droga.
B’riżultat ta’ dan, Jordan Anthony Gardner instab ħati tal-akkuża ta’ importazzjoni ta’ cannabis.
Huwa ġie kkundannat ħames snin priġunerija effettiva u multa ta’ €7,000, li trid titħallas fi żmien tliet xhur jew tinbidel f’terminu addizzjonali ta’ priġunerija jekk tibqa’ mhux imħallsa.
Il-qorti ordnat ukoll li Gardner iħallas €5,105 fi spejjeż relatati ma’ esperti.
Il-każ kien presedut mill-Maġistrat Elaine Rizzo.