Ir-relazzjoni ‘projbita’ li wasslet għal vendetta u vjolenza sesswali fil-każ ta’ Jordan Azzopardi u ‘Lillu King’
Minkejja s-snin li qattgħu flimkien, il-vittma u membru tal-familja tal-akkużat ma setgħux jiżżewġu minħabba li l-vittma mhuwiex ta’ fidi Musulmana; kunflitt li allegatament wassal għal nassa makabra u vjolenti bħala “tpattija”għal nuqqas ta’ rispett lejn il-familja
minn Kaylyn Linwood
Nhar il-Ħamis, il-qorti semgħet kif il-vittma ntrabat, mhedded b'sikkina u suġġett għal attakk sesswali brutali li nġibed fuq filmat f’każ li jinvolvi lil Jordan Azzopardi u “Lillu King”.
Każ kriminali li diġà qed jara lil Jordan Azzopardi mixli b’reati serji ta’ vjolenza, serq u ħtif, flimkien ma’ Abdulmomen H M Abudagil, issa wassal biex żewġ persuni oħra tressqu quddiem il-qorti nhar il-4 ta’ Mejju b’akkużi ta’ kompliċità relatati mal-istess każ. Iż-żewġ akkużati li tressqu huma Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, magħruf bħala “Lillu King”, negozjant ta’ 34 sena, u Noureddin Amer Miloud Almahmoudi, ta’ 39 sena. It-tnejn wieġbu mhux ħatja għall-akkużi miġjuba kontrihom.https://www.illum.com.mt/ahbarijiet/qrati_u_pulizija/74696/lilu_king_fost_ewt_iriel_mixlija_bkompliit_fka_ta_stupru_u_tif_marbut_ma_jordan_azzopardi
Dettalji makabri u xokkanti ħarġu fil-qorti dwar każ ta’ tortura u aggressjoni sesswali li seħħet f’ħanut tal-laħam f’San Ġwann, fejn raġel barrani residenti Malta spiċċa vittma ta’ nassa li nfetħet għalih minħabba allegat nuqqas ta’ rispett lejn familja u kwistjonijiet ta’ flus.
Ix-xhieda tal-Ispettur James Turner
Fl-ewwel seduta tal-kumpilazzjoni tal-provi, intqal kif l-inċident seħħ fil-21 ta’ April li għadda. Għall-ħabta tas-7.45pm, il-pulizija ta’ San Ġiljan u ta’ Tas-Sliema ġew infurmati li kien hemm raġel li mar jagħmel rapport jokrob b’uġigħ kbir. Hu poġġa mal-art, u tant kien f’qagħda ħażina li kellha tissejjaħ ambulanza b’urġenza. Aktar tard, il-vittma nstab li kien qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi.
Il-vittma xehed li kollox beda meta ftiehem biex jiltaqa’ m’Abdulmomen, membru ta’ familja tal-eks sieħba tiegħu, biex isolvu kwistjoni li kienet ilha għaddejja 15-il ġurnata. Abdulmomen qallu biex jiltaqgħu f’ħanut f’San Ġwann.
Malli l-vittma wasal, Abdulmomen laqgħu, ħadlu b’idejh u offrielu jpoġġi. Madankollu, kif il-vittma daret, terz persuna, Noureddin Almahmoudi, impjegat fil-ħanut, dawwar it-tabella tal-bieb minn “Miftuħ” għal “Magħluq” u tefa’ il-kameras tas-CCTV biex ma jinqabdux. Hu telaq minnufih.
Il-vittma spiċċa tkaxkar għal isfel fil-kantina tal-ħanut fejn sab ma’ wiċċu lil Jordan Azzopardi, magħruf bħala ‘El Chapo ta’ Malta’. Azzopardi ġie deskritt b’mod ċar mill-vittma minħabba t-tpenġijiet li għandu fuq għonqu u wiċċu.
Fix-xhieda tiegħu, il-vittma spjega li ntrabat u neżżgħulu ħwejġu waqt li bdew jobżqu fuqu. Azzopardi allegatament beda jheddu b’sikkina u jgħidlu: “Jien taf min jien... jien Azzopardi, għadni kemm noħroġ mill-ħabs”.
L-aggressjoni eskalat f'att sesswali sfurzat. L-akkużati allegatament użaw żewġ sex toys u sfurzawhom f’ħalqu u fil-warrani tal-vittma. Azzopardi huwa allegat li mbotta l-oġġett f’ġisem il-vittma waqt li l-oħrajn kienu qed jiġbdu filmat. Din it-tortura damet għal madwar 30 minuta.
Abdulmomen allegatament hedded lill-vittma li seta’ joqtlu u “jitfgħu fil-freezer” fejn ħadd ma kien se jsibu. L-akkużati min-naħa tagħhom tefa’ sigarett mixgħul f’ħalq il-vittma, ħadulu ritratti indeċenti, kif ukoll urewh filmati ta’ persuna oħra tissawwat fejn wieħed mill-akkużati wissieh: “Qed tara x’jiġrihom nies bħalek?”.
Id-direzzjoni mingħand “Lillu King”
F’punt xokkanti ieħor, l-investigazzjoni żvelat li waqt l-attakk, Abdulmomen kien qed jirċievi telefonati mingħand Mohamed Ali Ahmed Elmushraty, li bħalissa jinsab arrestat fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin.
Irriżulta li kien hemm komunikazzjoni diretta bejn Abdulmomen u Elmushraty, fejn allegatament, kien qed jagħti struzzjonijiet dwar x'għandu jsir lill-vittma. Elmushraty ġie arrestat mill-ġdid minn ġewwa l-ħabs b'rabta ma' dan il-każ.
Serq ta’ eluf ta’ ewro
Minbarra t-tortura, il-vittma ġie misruq total ta’ madwar €5,000. Dan kien jinkludi €600 fi flus kontanti u somom oħra li ġew trasferiti mill-kont tiegħu tar-Revolut taħt theddid ta’ sikkina. Abdul f’punt wieħed kellu jwaqqaf lil Azzopardi milli jkompli jaggredixxi lill-vittma għax beża' li se joqtlu bis-sikkina.
Waqt il-kontro-eżami nqala’ għajjat kbir, hekk kif l-avukat Franco Debono tefgħa dawl li l-vittma setgħa kien l-aggressur f’dan il-każ kollu. Hu staqsha l-Ispettur jekk għandux idea li l-vittma kien jirrikatta membru tal-familja ta’ Abdulmomen b’xi ritratti esplitiċi tagħha, u saħansitra anki allegatament jitlobha somom ta’ flus. L-Ispettur wieġeb fin-negattiv, fejn sostna li ma kellux idea ta’ dan, però kien jaf bir-relazzjoni bejniethom.
Il-qorti semgħet kif il-ġlieda żvolġiet minħabba relazzjoni intima bejn il-vittma u membru tal-familja ta’ wieħed mill-akkużati ta’ sitt snin. Skont ir-reliġjon tal-Iżlam, mara li tkun poġġuta ma’ raġel u jkollha x’taqsam sesswalment miegħu, jkollha tibqa’ miegħu u tiżżewġu. Però, dan ma setgħax isir minħabba li l-vittma mhuwiex Musulman.
Xhieda tal-Ispettur Wayne Buhagiar ikkorrobora x-xhieda tal-Ispettur Turner, fejn il-qorti semgħet kif Azzopardi allegatament hedded lill-vittma bi klieb li jattakkawh, kif ukoll semmew lill-‘Lillu King’ li jċemplulu u jmur għalih.
Il-Maġistrat Lara Lanfranco ppresediet.
Il-prosekuzzjoni tmexiet mill-Ispetturi Wayne Buhagiar u James Turner, flimkien mal-avukati Jurgen Vella, Darleen Grima u Janika Vella. L-avukati Herman Mula, Franco Debono, Marion Camilleri, Adreana Zammit, Jacob Magri, Arthur Azzopardi u Matthew Xuereb dehru għall-akkużati.
