Vittma misruqa €20,000 f’każ ta’ allegata frodi ta’ Tammy Caruana

Xehed rappreżentant mill-LifeStar insurance dwar rikors li ressqu d-diviża rigward polza ta’ assigurazzjoni f’isem omm Tammy Caruana, fejn Caruana hija parti mill-polza. Għalhekk, il-maġistrat ħa tagħti digriet in camera dwar jekk omm Tammy għandhiex tieħu s-somma tal-flus li jinsabu ġo din il-polza. 

Xehdu tliet vittmi ma’ tliet banek differenti, fejn l-ewwel vittma mal-Banif plc stqarret li fit-3 ta’ Novembru 2025 rċiviet messaġġ li xi ħadd daħal fuq il-kont tagħha u għafset link li ntbagħat lilha. Dak il-ħin stess, l-istess numru ċemplilha fejn kellmitha mara li allegatament jisimha ‘Rachel’ u staqsietha jekk hijiex tipprova tagħmel xi transazzjonijiet mill-kont tagħha, fejn il-vittma rrispondiet fin-negattiv. 

Il-link ħaditha fuq sit li jien jixbah eżattament l-applikazzjoni tal-Banif, fejn hi għafset biex tikkanċella ċertu transazzjonijiet u ssussgwentement, inqatgħu madwar €20,000. 

“Dak il-ħin xokk kbir u naqsuli €20,000”, qalet il-vittma. 

Vittma mal-APS Bank sostniet kif irċeviet messaġġ li qed jippruvaw jittieħdu xi flus mill-kont tagħha. Hi stqarret li rċeviet telefonata li ħasbet kienet ġejja mill-bank, u għalhekk antiċipat li s-sitwazzjoni kienet waħda kemxejn urġenti. Il-vittma qalet li tteħdulha madwar €4,900. 

“Dehret ġenwina immens għalija, jien kont naħdem il-bank u għandi idea sew. Kien hemm ħafna żbalji fi kliemha, imma jien ħassejt għaliha minħabba li nstemgħet għadha żgħira u għalhekk ikkumpatejtha”, qalet il-vittma filwaqt li stqarret li ħassitha stupida u redikolata. 

Il-vittma spiċċat ix-xhieda tagħha fejn irrimarkat li l-fatt li l-persuna tkellmet bil-Malta kienet mekkaniżmu qarrieqa, u lanqas setgħet temmen li “ħa tieħu flusi, flus it-tfal tiegħi”.

Waqt is-smigħ tat-talba għall-ħelsien mill-arrest, xehdet iz-zija ta’ omm Tammy, li offriet li Caruana tirrisjedi magħha fl-eventwalita li jingħata l-ħelsien mill-arrest.   Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għal dan u argumentat li peress li Tammy diġà kellha problemi serji mal-familja tagħha, kien hemm biża’ reali li hija tista’ titkeċċa mid-dar, u b’hekk tispiċċa tikser il-kundizzjonijiet tal-arrest impost fuqha. 

Dwar il-meritu tar-reat, il-prosekuzzjoni spjegat li l-allegat reat sar kollu “minn wara skrin” u "behind closed doors." Minħabba f’hekk, l-akkużata mhijiex magħrufa wiċċ imb wiċċ mill-vittmi. 

Min-naħa tagħha, id-difiża insistiet li m’hemm l-ebda periklu li l-akkużata se  taħrab mill-pajjiż. L-avukat difensur staqsa lill-qorti “fejn hija l-biża’ reali tal-intralċ tal-provi?", filwaqt li sostna li f’dan l-istadju l-akkużata m'għandhiex għalfejn tibqa’ tinżamm arrestata jekk hemm indirizz fiss u garanzija b’saħħitha.

Id-digriet dwar il-ħelsien mill-arrest se tingħata in camera. 

Il-każ se jkompli nhar l-4 ta’ Ġunju fid-9am. 

Il-Maġistrat Lara Lanfranco ppresediet. 

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispettur Claire Vella Borg flimkien mal-Avukati Marica Ciantar u Mauro Abela f’isem l-Avukat Ġenerali. Għal Bank of Valletta plc deher il-Professur Stefano Filetti, u għal Banif plc dehret l-Avukat Maria Lisa Buttiġieġ. Għall-akkużati dehru l-Avukati Roberto Spiteri, Alfred Abela, Rene Darmanin u Franco Galea.

More in Qrati u Pulizija