Raġel ta’ 44 sena li qed jaffaċja akkużi li pprova joqtol iż-żewġ bniet tas-sieħba tiegħu ngħata ħelsien mill-arrest għal darb’oħra, din id-darba marbut ma’ każ separat ta’ vjolenza domestika li jinvolvi s-sieħba tiegħu u bintha.
L-akkużat, li diġà kien barra fuq pleġġ wara li kieb akkużat li pprova joqtol it-tfal tas-sieħba tiegħu, reġa’ ngħata ħelsien mill-arrest b’rabta ma’ każ ta’ vjolenza domestika.
Nazzareno Dalli minn Bormla kien xellef idejh mal-qorti f'każ dwsr attentat ta’ qtil tal-bniet tas-sieħba tiegħu, li kellhom 12 u 15-il sena meta allegatament seħħ l-inċident.
Il-każ imur lura għal Marzu tal-2024, meta l-inċident allegatament seħħ fir-residenza tal-familja fi Triq San Tumas, Marsa.
Ftit xhur ilu, Dalli reġa’ deher quddiem il-qorti, din id-darba akkużat li weġġa’ ħafif lis-sieħba tiegħu, kif ukoll li heddidha u insultha. Huwa ġie akkużat ukoll li kkawża biża’ kemm lill-mara kif ukoll lil bintha li tista’ tintuża vjolenza kontrihom.
Skont il-prosekuzzjoni, Dalli allegatament gara oġġetti lejn il-mara u ħabbtilha rasha mal-ħajt. Jingħad li l-inċident seħħ quddiem bintha.
Waqt dak l-inċident, il-ħelsien mill-arrest inizjalment ġie miċħud.
Madankollu, fl-24 ta’ Marzu, Dalli ngħata ħelsien mill-arrest b'depożitu ta’ €5,000 u garanzija personali ta’ €15,000.
Il-qorti ordnat ukoll li hu jiffirma l-għassa kuljum u josserva ħin ta' rkażar mis-8:30pm sas-7am.
L-avukati tad-difiża Nicholas
Mifsud u Franco Debono rrappreżentaw lill-akkużat.
Id-deċiżjoni nħarġet mill-Maġistrat Tanya Sammut.