Raġel ta’ 58 sena weġġa’ gravi kmieni dalgħodu f’inċident tat-traffiku li seħħ fi Triq ir-Rabat, in-Nadur.
Skont il-Pulizija, l-inċident seħħ għall-ħabta tal-5:30am meta seħħet ħabta bejn karozza tat-tip Honda Fit, misjuqa minn raġel ta’ 29 sena residenti x-Xagħra, u mutur Royal Enfield misjuq mill-vittma, residenti n-Nadur.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post fejn sar stħarriġ preliminari dwar il-każ. Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet lis-sewwieq tal-mutur l-Gozo General Hospital għall-kura.
Aktar tard, ir-raġel ġie ċċertifikat li sofra ġrieħi gravi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar l-inċident għadhom għaddejjin.