Aliou Tijane Wade, li għandu permess ta’ residenza Maltija iżda mingħajr indirizz fiss, ammetta l-akkużi kontrih waqt seduta fil-Qorti tal-Maġistrati fi Frar 2026.
Nhar il-Ħamis 26 ta’ Marzu, il-qorti semgħet kif Wade kien involut fit-traffikar ta’ diversi tipi ta’ droga, inkluż ecstasy, kokajina u cannabis f’Awwissu 2025, prinċipalment fiż-żona ta’ Paceville.
Skont il-provi, instabu fil-pussess tiegħu 35 gramma THC maqsuma f’50 pakkett, 10 grammi kokajina f’37 borża, u 106 pilloli tal-ecstasy. Il-qorti nnotat li dawn instabu f’ċirkostanzi li jindikaw li ma kinux għall-użu personali tiegħu.
Huwa kien akkużat ukoll li wettaq dawn ir-reati viċin postijiet fejn jiltaqgħu ż-żgħażagħ, kif ukoll li għex ħajja ta’ vagabundaġġ. Barra minn hekk, Wade ġie akkużat b’reati ta’ ħasil ta’ flus , fosthom li kkonverta u ħeba flus jew proprjetà miksuba minn attività kriminali.
Minħabba sentenzi preċedenti, l-akkużat kien ukoll reċidiv.
Il-qorti semgħet li l-prosekuzzjoni ppreżentat xhieda ġuramentata li wasslet biex l-imputat jibbenefika minn tnaqqis fil-piena wara li kkoopera mal-awtoritajiet. Għalhekk, fis-sentenza tagħha, il-qorti kkundannatu għal 28 xahar ħabs effettiv, u multa qawwija ta’ €22,000.
Il-qorti ordnat ukoll il-konfiska ta’ flus kontanti, inkluż €750, $100 u 100 denar Maċedonjan, flimkien ma’ mobile u SIM cards. Barra minn hekk, ġiet ordnata l-konfiska ta’ kull proprjetà tiegħu favur il-Gvern, kif ukoll il-qerda tad-droga kollha maqbuda.
Wade ġie wkoll ordnat iħallas aktar minn €3,800 fi spejjeż relatati mal-esperti involuti fil-każ.
Il-Maġistrat Nadia Helena Vella tat is-sentenza.