AĠĠORNATA | Il-qorti qalet li missier tefa’ pilloli tal-irqad fl-ikel ta’ uliedu qabel ma pprova joqtolhom

Jibdew il-proċeduri kontra l-Isqalli attentat li prova joqtol lil uliedu nhar l-Erbgħa filgħodu 

 

 

Il-minuri kienet mistennija tixhed fl-ewwel seduta tal-proċeduri, iżda dan ma seħħx hekk kif il-prosekuzzjoni qalet li kellhom jiġu sottomessi dokumenti qabel. Minkejja li l-qorti enfasizzat li x-xhieda tat-tfal għandha tittieħed kmieni, iddeċidiet li ma kienx lok li t-tifla tixhed wara li sar il-verbal, anke jekk kienet preżenti barra l-awla.

Id-diviża oġġezzjonat għal dan id-dewmien, u sostniet li jista’ jaffettwa l-memorja tat-tifla. Talba biex il-każ jinstema’ bil-magħluq ġiet miċħuda, u l-qorti żammet mal-pożizzjoni li l-proċeduri jsiru fil-pubbliku.

Fil-qorti nstema’ kif tifla nstabet f’nofs Triq il-Kosta tgħajjat għall-għajnuna. Hi allegat li missierha qatel lil ħuha u pprova joqtol lilha. Il-pulizija marru fuq il-post indikat u sabu lit-tifel fil-White Rocks, ġewwa kamra abbandunata, f’kundizzjoni kritika u mimli demm.

Ix-xena tad-delitt kienet tinkludi l-kamra u żoni fil-viċin, kif ukoll karavan tal-akkużat fejn instabu ħabel u marki ta’ demm. L-investigazzjonijiet jindikaw li l-inċident seħħ f’dan il-post wara li l-missier ma rritornax it-tfal għand ommhom kif kien mistenni.

Skont l-omm, it-tifla rrakkuntat li missierha prova jifgaha, iżda rnexxielha taħrab wara li ħuha qalilha: “Aħrab, aħrab, għax se joqtolna.” Hija żiedet li waqt ħin ta’ aċċess, it-tfal ingħataw ikel li kellu togħma stramba, suspettat li kien fih pilloli tal-irqad.

Filmati tas-CCTV juru lill-familja f’diversi postijiet filgħaxija tal-inċident, inkluż ristoranti u arcade. Aktar tard, minflok irritornaw id-dar, marru lejn White Rocks fejn allegatament seħħ l-attakk.

Xhieda oħra qalu li l-akkużat għamel telefonati li jindikaw stat ta’ tensjoni kbira u anke ħsieb ta’ suwiċidju. F’telefonata lil sieħbu, allegatament qal li l-flus tiegħu għandhom jintużaw għall-funeral tiegħu.

L-akkużat instab jiem wara qrib Baħar iċ-Ċagħaq u ttieħed l-Isptar Mater Dei, fejn ġie arrestat. Hu kellu diversi ġrieħi u kien qed jinħeba f’karavan. F’notebook li nstab fuqu, kiteb messaġġ emozzjonali li jindika disperazzjoni personali.

“Ħajti nbidlet. Inħobbok. Wisq malajr, konnha trankwilli, familja magħquda. Grazzi tal-memorji”, kien hemm miktub. 

Fl-interrogazzjoni, hu ammetta li tefa’ pilloli tal-irqad fl-ikel tat-tfal, iżda ta verżjoni differenti tal-ġrajjiet u sostna li ma kienx f’sikktu. Hu stqarr ukoll nhar is-Sibt 7 ta’ Marzu, f’vjaġġ minn Gwardamanġa għall-Belt, qal li kien hemm persuna li waqfitu fit-traffik fejn din il-persuna hedditu, fejn hu qallu biex imur lura l-Italja u ma jibqax itella’ fuq Facebook. 

Dakinhar stess, madwar 25 minuta qabel ma ġabar it-tfal, tella’ post fuq Facebook fejn stqarr “dawk li jikkawżaw problemi familjarji m’għandhomx isibu paċi”. 

F’Facebook post ieħor, l-akkużat indirizza lill-eks-mara tiegħu, fejn qal li ma jiflaħx għall-aktar, u “ħa nieħu lit-tifel miegħi”. 

Fil-kontro-eżami, l-avukata tad-diviża Gianella De Marco straħet fuq il-fatt li l-missier qatt ma kien vjolenti mat-tfal, u minkejja li ma kellux xogħol minħabba l-fatt li s-separazzjoni affettwatu wisq, hu kien jibqa’ joħroġhom u jħallas spejjeż tal-ħajja ta’ kuljum. Fil-fatt, l-Ispettur stqarr li l-omm qatt ma stenniet li l-missier ħa jagħmel xi ħaġa bħal din. 

Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Claire Stafrace Zammit, u l-proċeduri ħa jkomplu aktar tard illum.

Meta l-każ kompla wara n-nofsiegħa, xehed is-Surġent Garry Scerri, fejn stqarr li kien hemm diversi timijiet ta’ pulizija mal-madwar, fejn nhar it-Tlieta 10 ta’ Marzu ra persuna li kienet toqgħod għad-deskrizzjoni tal-missier. Hu rrisponda għall-pożittiv meta mistoqsija jismux isem l-akkużat, fejn ittieħed l-Isptar minħabba l-inġurji tiegħu. 

Fuq persuntu, ma kellu xejn ħlief kartiera sewda li kellha madwar €219 fi flus kontanti u xi ritratti. L-għada, nhar l-Erbgħa, u ġie rrilixxat mill-Isptar u wera l-ħeġġa biex imur fuq il-post mal-uffiċjala biex jurihom fejn kien qed jirrisjedi, u d-dokumenti personali tiegħu. 

Xhud ieħor, Kuntistabbli Matthew Borg, sostna kif fis-7 ta’ Marzu kien stazzjonat fl-għassa ta’ San Ġiljan daħlet koppja akkumpanjati ma’ tifla, li dehret imwerwra u mbikkma. Hi qalet li kienet għadha kemm rat lil missierha joqtol lil ħuha ż-żgħir, fejn waslet l-omm l-għassa. Dak il-ħin stess, l-akkużat ċempel lill-omm fejn qalilha li t-tifel qiegħed il-ġenna. 

Hu sostna li waqt it-tfittxija għat-tifel, waqfu quddiem kamra abbandunata fejn fuq in-naħa tal-passiġġier raw persuna jserraħ ma’ ċint. It-tifel kien mimli dmija, u għalhekk ma setgħux jiddentifikaw t-tifel sew. X’ħin identifikaw it-tifel minn logo tat-tracksuit, huma ċemplu għall-ambulanza.  

Il-pulizija avviċinaw il-vann tal-missier li kien wieqaf fuq in-naħa wara tal-kamra, fejn raw li l-bieba tan-naħa tax-xufier kienet għadha miftuħa, kif ukoll demm mal-pum.

L-Ispettur Christian Xuereb xehed l-istess affarijiet bħalma nqtal mix-xhieda l-oħra.  Hu sostna li sar jaf mit-tobba tal-isptar li t-tifel kien fil-periklu tal-mewt. Hu rrefera għas-stqarrijiet li ttieħdu mix-xhieda, fejn ħu l-akkużat qal li ċempel lil ħuh b’vidjo, fejn ħaseb li xi nies kienu qed jtuh bil-ponn u jsawtuh, u l-akkużat qallu li għamel “xi ħaġa kerha”. 

Fega lil ħija, prova jifga lili

Matul din ix-xhieda, ħu l-missier stqarr li madwar 20 sena ilu, l-istess missier prova jitgħallaq u kien ħuħ li salvah. Fl-istqarrija tal-missiir hu,  qal li ma setgħax ikun li jagħmel xi ħaġa hekk fuq uliedu. 

Fl-istqarrija tal-akkużat, hu qal lill-pulizija li beda jara xi tibdil fit-tfal, għax għall-ewwel kienu jibagħtulu l-qlub iżda ma baqgħux. 

Hu kkonferma l-istanza fejn meta kien qed isuq biex imur jiġbor it-tfal,  waqaf ma’ żebra cross u avviċinawh tnejn fejn qalulu “din tal-aħħar għax ħa nisparixxuk minħabba xi post imtella’ fuq Facebook. Allavolja l-akkużat stqarr li ħa din l-okkażjoni bħala theddida, hu ma ddeskrivihomx. 

Il-missier stqarr li nqabad f’batibekk mat-tifel tiegħu waqt li kien qed idur bihom lejn in-naħat ta’ Pembroke u waqqaf il-vann, fejn hu agħfas it-tifel miegħu u sussegwentement qallu “Ħallini!”. Hu qal li ma jafx x’ġara dak il-ħin, għax “ħaġa ġġib lill-oħra”.

It-tifla niżlet mill-vann, bdiet tagħti lil missierha bis-sieq, u qaltlu “Ħallih”, fejn jista’ jkun gidem it-tifla. Il-missier stqarr li qatt ma mess lil bintu, u waqt dan kollu, tilef il-bilanċ u waqa’. Hu allegatament għajjatlu iżda ma bediex jirrispondih. L-istess missier stqarr li jekk jiġrilu xi ħaġa t-tifel, hu jippreferi jmut għax ma jistax iżomm dan il-fatt ġo fih. 

“Ma nafx kif ma rnexxilix, jew għax il-ħabel kien baxx, jew għax ma ħadimx. Għalija kien miet [għall-ibnu], u kont qed nistenna li mmut jien”, qal l-akkużat dwar il-fatt li ma rnexxilux jitgħallaq. 

Intqal ukoll li l-missier kien għamel rapport mad-Domestic Violence Unit, hekk kif allegatament hedditu l-eks mara tiegħu fejn qaltlu li l-ħabib tagħha “ħa jieħu ħsiebu hu”. 

Il-każ ikompli. 

Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-avukati Etienne Savona, Anthony Vella u Kaylie Bonnett mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, flimkien mal-Ispetturi Kurt Colombo Zahra u Christian Xuereb. L-avukati Conrad Borg Manche, Gianella de Marco u Charles Mercieca qed jirrappreżentaw lill-akkużat.
Il-proċeduri fil-Qorti għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija