Raġel mixli b’frodi fuq €20,000 jinżamm arrestat wara li kien ilu sena mfittex mill-pulizija

Raġel ta’ 54 sena tressaq quddiem il-Qorti nhar il-Ħamis akkużat b’diversi reati ta’ frodi li allegatament ammontaw għal aktar minn €20,000, f’każ li jinvolvi aktar minn għaxar vittmi

Giuseppe Pasquale Alongi, mwieled il-Kanada, tressaq quddiem il-Qorti fuq sensiela ta’ akkużi ta’ qerq li bihom kiseb flus mingħand diversi persuni. 

Skont l-atti tal-Qorti, l-imputat huwa mixli li uża ismijiet jew kwalifiki foloz u mezzi qarrieqa biex iqanqal fiduċja falza u jagħmel qligħ finanzjarju bi ħsara għal oħrajn. Il-prosekuzzjoni allegat li b’dan il-mod huwa kiseb somom li jaqbżu €5,000 minn diversi individwi, fejn ammontaw madwar €20,000. 

Hemm aktar minn għaxar vittmi involuti. 

Alongi ġie wkoll mixli b’approprjazzjoni indebita, wara li allegatament dar għalih flus li kienu ġew fdati lilu taħt obbligu li jirritornahom jew jużahom għal skop speċifiku.

Sena mfittex mill-pulizija
Fil-Qorti ħareġ li l-imputat kien ilu aktar minn sena mfittex mill-pulizija b’rabta mal-każ. Meta tressaq, Alongi ddikjara ruħu mhux ħati għall-akkużi miġjuba kontrih.

L-avukat Rachel Tua, li dehret għalih bħala għajnuna legali, ressqet talba għall-ħelsien mill-arrest. Id-difiża sostniet li l-imputat kellu xogħol fiss, filwaqt li semmiet li s-sieħba tiegħu hija tqila. 

Madankollu, il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba u qalet li l-imputat kien ilu jaħrab mill-awtoritajiet għal diversi xhur.

Ħelsien mill-arrest miċħud
Wara li semgħet it-trattazzjonijiet tal-partijiet, il-Qorti irrifjutat it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

Il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech qieset in-natura serja tal-akkużi kif ukoll il-fatt li l-imputat kien ilu mfittex mill-pulizija għal perjodu twil, u għalhekk ordnat li Alongi jinżamm arrestat sakemm ikomplu l-proċeduri kontrih.

L-Ispettur Italo Zammit mexxa l-prosekuzzjoni.

More in Qrati u Pulizija