Jeremy Harbinson qed jiġi kkunsidrat bħala persuna ta’ interess f’investigazzjoni kriminali f’196 pajjiż skont xhieda mogħtija minn uffiċjal tal-Korp tal-Pulizija li spjega x’passi ttieħdu biex Harbinson jiġi rintraċċat fil-kuntest tal-każ dwar il-konċessjoni tal-isptarijiet VGH.
Ix-xhud, l-Ispettur Robinson Mifsud li jaħdem fit-taqsima tar-relazzjonijiet barranin tal-Pulizija, qal li fuq talba tal-prosekuzzjoni nħarġet “interpol blue diffusion” fis-17 ta’ Diċembru 2025. Din hija tip ta’ allert li jitqassam mal-196 pajjiż membru tal-Interpol bil-għan li persuna ta’ interess f’investigazzjoni kriminali tiġi rintraċċata u lokalizzata.
Huwa spjega li fis-7 ta’ Frar saret korrispondenza mal-awtoritajiet tar-Renju Unit sabiex tintalab informazzjoni dwar ir-residenza ta’ Harbinson, abbażi ta’ indirizz li kien ipprovda l-Ispettur Rodney Wayne Borg. Fid-9 ta’ Frar, id-diffużjoni tal-Interpol ġiet emendata biex tinkludi dan l-indirizz, filwaqt li fil-25 ta’ Frar saret talba oħra mill-prosekuzzjoni għal aktar korrispondenza.
Id-difiża rreferiet għal dokument muri lix-xhud li fih kien indikat li l-iskop tal-messaġġ kien “li jiġi ttrattat bħala talba biex tiġi rintraċċata u lokalizzata persuna ta’ interess f’investigazzjoni kriminali”. Skont id-difiża, dan jindika li Harbinson qed jitqies formalment bħala persuna ta’ interess mill-Interpol.
Ix-xhud qal li, tul il-karriera tiegħu, Harbinson kien l-iktar persuna diffiċli biex tiġi rintraċċata u kkonferma li sa issa l-ebda pajjiż ma pprovda informazzjoni dwar fejn jinsab.
Huwa żied li teżisti informazzjoni li ma tistax tiġi ppreżentata f’dawn il-proċeduri peress li l-awtoritajiet tar-Renju Unit ma awtorizzawx dan sa issa. Id-difiża argumentat li, minkejja dan, il-qorti għandha s-setgħa li tordna li din l-informazzjoni tiġi ppreżentata.
Id-difiża talbet ukoll li fis-seduta li jmiss jixhed l-Avukat Ġenerali sabiex jispjega kif il-prosekuzzjoni se tagħmel dak kollu possibbli biex Harbinson jippreżenta r-rapport tiegħu. Intqal li Harbinson għamilha ċara li ma jridx jiġi.
Id-difiża ħabbret ukoll li fil-jiem li ġejjin se tippreżenta talba dwar ir-riluttanza ta’ espert li jipparteċipa f’dawn il-proċeduri jew li jattendi għalihom, u se titlob li tiġi revokata l-konferma tiegħu bħala espert f’dan il-każ.
Is-seduta li jmiss hija skedata għat-23 ta’ Marzu.