Risk assessments u l-preżunzjoni tal-innoċenza: sistema taħt skrutinju

Avukati u persuni involuti fis-sistema tal-ġustizzja qed iqajmu mistoqsijiet dwar kif ir-risk assessments fil-każijiet ta’ vjolenza domestika qed jaffettwaw lill-irġiel akkużati, b’akkużi li l-preżunzjoni tal-innoċenza qed tiġi kompromessa u li hemm trattament differenti bejn sess u ieħor

Is-sistema tar-risk assessment, introdotta bħala għodda biex jiġu evalwati r-riskji immedjati f’każijiet ta’ vjolenza domestika, qed issir dejjem aktar ċentrali fid-deċiżjonijiet li jittieħdu mill-Pulizija u mill-qrati fl-ewwel stadji ta’ investigazzjoni. Madankollu, esperjenzi minn prattika legali qed jindikaw li l-mod kif dawn l-assessments jiġu applikati qed joħloq konsegwenzi serji, b’mod partikolari għall-irġiel li jiġu akkużati. 

F’intervista dwar dan is-suġġett, l-Avukata Yanika Barbara Sant qalet li mill-esperjenza tagħha fil-qrati, ir-risk assessments qed jaffettwaw b’mod sproporzjonat lill-irġiel akkużati f’każijiet ta’ vjolenza domestika. Skontha, “sfortunatament il-verżjoni tal-mara titwemmen ferm iżjed” u dan jirriżulta f’sistema fejn huwa ħafna aktar faċli biex jinqabeż il-limitu ta’ punteġġ – magħruf bħala skor ta’ 12 – li jwassal sabiex il-Pulizija jkunu obbligati li jressqu lill-akkużat taħt arrest. 

Sant sostniet li dan iseħħ anke f’każijiet li, skont in-natura tagħhom, ikunu ta’ tip konvenzjonali u li normalment jiġu ttrattati b’ċitazzjoni aktar milli b’arrest immedjat. Skontha, l-istruttura tal-mistoqsijiet li jsiru waqt ir-risk assessment tagħmilha aktar faċli biex jintlaħaq il-punteġġ meħtieġ, bil-konsegwenza li l-arrest isir kważi awtomatiku. 

Meta mistoqsija jekk fil-prattika l-preżunzjoni tal-innoċenza hijiex qed tiġi rispettata f’dawn il-każijiet, Sant kienet kategorika u qalet li “lanqas xejn”. Skontha, il-verżjoni tal-mara tingħata importanza kbira ħafna, u anke f’sitwazzjonijiet fejn ir-raġel ikollu provi li juru verżjoni differenti minn dik allegata, il-Pulizija xorta waħda jkunu marbuta li jmexxu skont ir-riżultat tar-risk assessment. 

Hija qajmet ukoll il-kwistjoni tat-trattament differenti bejn irġiel u nisa akkużati. Mill-esperjenza tagħha, qalet li għadha ma taf bl-ebda każ fejn mara nżammet arrestata fuq każ ta’ vjolenza domestika. “Anzi nisimgħu li għax mara u għandha tfal x’tieħu ħsieb tinħeles mill-arrest, imma l-missier le, bħallikieku mhux bl-istess mod huwa ġenitur,” qalet Sant, u żiedet li dan joħloq perċezzjoni ta’ nuqqas ta’ ugwaljanza quddiem il-liġi. 

Rigward il-possibbiltà li persuna turi li akkuża kienet esaġerata jew falza, l-avukata spjegat li dan huwa diffiċli ħafna fl-istadji bikrin tal-proċess. Skontha, il-Pulizija normalment jispjegaw li l-arrest sar minħabba r-risk assessment, u l-Qorti ma tidħolx fuq il-mertu tal-każ f’dak l-istadju. Dan ifisser li huwa kważi impossibbli li jintwera minn kmieni li rapport seta’ kien falz jew sproporzjonat. 

Sant ipproponiet ukoll numru ta’ tibdiliet legali u proċedurali li, fl-opinjoni tagħha, jistgħu jagħmlu s-sistema aktar ġusta. Fost dawn semmiet li l-metodu ta’ assessjar għandu jkun ugwali kemm għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. Issuġġeriet ukoll li l-vittma għandha tixhed mill-ewwel mal-preżentata (il-punt meta persuna titressaq b’arrest l-ewwel darba l-Qorti) jew, alternattivament, li tingħata x-xhieda tagħha permezz ta’ audio-visual statement fid-depot, li mbagħad jiġi ppreżentat lill-Qorti sabiex ix-xhieda tkun ippreservata. 

Proposta oħra li qajmet kienet li min jagħmel rapport ta’ vjolenza domestika ma jkunx jista’ jirtirah liberament, u li f’każ ta’ talba għall-irtirar, il-vittma jkollha tħallas somma ta’ flus ekwivalenti għan-numru ta’ ġranet li fihom ir-raġel ikun inżamm taħt arrest. 

Fil-kuntest ta’ dan l-artiklu, sar kuntatt ukoll mal-entità responsabbli mir-risk assessments sabiex tingħata spjegazzjoni dwar kif dawn l-evalwazzjonijiet isiru fil-prattika u liema salvagwardji jeżistu. Madankollu, saż-żmien li nkiteb dan l-artiklu, ma waslet l-ebda risposta. 

Il-kwistjoni tar-risk assessments fil-każijiet ta’ vjolenza domestika tkompli tqajjem dibattitu sensittiv bejn il-ħtieġa li jiġu protetti vittmi potenzjali u d-dritt fundamentali għall-preżunzjoni tal-innoċenza. Filwaqt li ħadd ma jikkontesta l-importanza tas-sigurtà u l-prevenzjoni, l-esperjenzi prattiċi fil-qrati qed iwasslu biex dejjem aktar persuni jistaqsu jekk is-sistema attwali hijiex verament bilanċjata u ġusta għal kulħadd. 

More in Qrati u Pulizija