Il-Qorti tal-Appell ċaħdet appell imressaq minn Moviment Graffitti u mir-resident Victor Borg kontra permess ta’ żvilupp fix-Xagħra, Għawdex, wara li ddeċidiet li żbalji fil-pjanijiet sottomessi lill-awtoritajiet ma kellhomx impatt materjali fuq id-deċiżjoni finali tal-Planning Authority.
Il-każ kien jirrigwarda l-permess PA 08765/20, li japprova alterazzjonijiet interni u estensjoni fit-tieni sular ta’ residenza fi Triq Marija Bambina. L-appellanti sostnew li s-sid tal-proġett, Louis Stellini, issottometta elevazzjoni tas-streetscape li kienet turi b’mod żbaljat il-bini ġar, inkluż kmamar fuq il-bejt li fil-fatt ma jeżistux jew li ġew esaġerati fid-daqs tagħhom.Skont Moviment Graffitti, dawn il-pjanijiet huma obbligatorji skont
il-linji gwida DC15 u huma essenzjali biex l-awtorità tifhem kif żvilupp ġdid jaqbel mal-kuntest urban, speċjalment f’żona magħmula esklussivament minn townhouses ta’ żewġ sulari. Madankollu, il-Qorti qablet mal-konklużjonijiet tat-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar (EPRT), li kien diġà ddeċieda li l-iżbalji fil-pjani ma kinux fattur deċiżiv. Il-Qorti fakkret li skont l-Artiklu 80 tal-Att dwar l-Ippjanar, permess jista’ jitħassar biss jekk ikun ippruvat li informazzjoni korretta kienet twassal għal riżultat differenti.
Fil-ġudizzju tagħha, il-Qorti nnutat li t-Tribunal kien ibbaża d-deċiżjoni tiegħu fuq konsiderazzjonijiet oħra, fosthom il-politika tal-pjan lokali GZ-HOUS1 u “impenji” eżistenti, jiġifieri permessi preċedenti li diġà jippermettu bini ogħla fl-istess triq. L-appellanti qajmu wkoll tħassib li l-proġett kien, fil-verità, żvilupp kummerċjali moħbi bħala residenza privata. Huma indikaw li l-proprjetà tinkludi disgħa kmamar tas-sodda b’ensuite, żewġ kmamar tal-banju addizzjonali u pixxina, u sostnew li dan jissuġġerixxi użu bħala guesthouse jew akkomodazzjoni turistika bħal Airbnb, li kieku kien jeħtieġ aktar spazji ta’ parkeġġ.
Din l-argumentazzjoni ġiet miċħuda mill-Qorti bħala waħda ipotetika. L-Imħallef Simiana osserva li l-permess inħareġ legalment għal residenza waħda, u kwalunkwe bidla futura fl-użu tkun teħtieġ applikazzjoni separata għal “change of use”. Is-sit jinsab f’żona sensittiva, fi ħdan iż-Żona ta’ Importanza Arkeoloġika tal-Ġgantija u madwar 60 metru ’l bogħod mill-Mitħna ta’ Ta’ Kola, li hija skedata ta’ Grad 1. Għalkemm is-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali imponiet monitoraġġ arkeoloġiku, it-Tribunal kien diġà ddeċieda li l-għoli tal-bini – 10.56 metri – huwa taħt il-massimu permess ta’ 15.40 metri u ma jaffettwax b’mod negattiv il-perċezzjoni tal-mitħna.
Fl-aħħar nett, il-Qorti tal-Appell iddikjarat li l-appellanti ma rnexxielhomx juru li l-Bord tal-Ippjanar injora kwistjonijiet essenzjali jew li l-pjani żbaljati kienu qarrqu b’mod sostanzjali lit-Tribunal. Ġie nnutat ukoll li x-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni kienu diġà tlestew, u għalhekk kwalunkwe sospensjoni tal-permess kienet tkun bla skop.
L-appell ġie miċħud kompletament, bil-Qorti tordna li l-ispejjeż legali jitħallsu minn Moviment Graffitti u Victor Borg.