Tliet nisa arrestati b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga minn residenza fil-Qrendi

Il-pulizija arrestat tliet nisa wara rejd f’residenza fil-Qrendi fejn instabet allegata kokaina b’valur ta’ madwar €13,000, flimkien ma’ oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga

Tliet nisa ġew arrestati b’rabta ma’ allegat traffikar ta’ droga minn residenza fil-Qrendi wara rejd li sar mill-pulizija nhar il-Ħadd waranofsinhar.

Il-pulizija qalet li għall-ħabta tas-1:00 p.m., uffiċjali wettqu rejd fir-residenza permezz ta’ mandat tal-Qorti.

Matul it-tfittxija, instabu madwar 100 gramma ta’ sustanza suspettata kokaina b’valur fis-suq stmat għal madwar €13,000.

Mill-post ġew elevati wkoll diversi oġġetti relatati ma’ allegat traffikar tad-droga kif ukoll numru ta’ mowbajls.

In-nisa arrestati għandhom 40 sena mill-Qrendi, 35 sena mill-Belt Valletta u 28 sena wkoll mill-Belt Valletta.

Huma ttieħdu fil-lock-up tal-pulizija fil-Furjana waqt li l-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.

Il-pulizija qalet li l-mara ta’ 35 sena mistennija titressaq il-Qorti nhar it-Tnejn quddiem il-Maġistrat Antoine Agius Bonnici fejn se tkun akkużata bi traffikar ta’ kokaina kif ukoll bi ksur ta’ diversi kundizzjonijiet imposti mill-Qorti relatati mal-ħelsien tagħha mill-arrest.

L-investigazzjonijiet dwar iż-żewġ nisa l-oħra għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija