Raġel ta’ 73 sena tilef ħajtu lbieraħ wara li sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qed jgħum fil-bajja tal-Ħondoq, fil-Qala, Għawdex.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-6:30 ta’ filgħaxija, meta l-pulizija ġew infurmati li kien hemm bżonn ta’ assistenza fl-inħawi tal-bajja. Il-pulizija marru minnufih fuq il-post u mill-ewwel investigazzjonijiet irriżulta li r-raġel, residenti tal-Qala, sab ruħu f’diffikultà waqt li kien fil-baħar.
Xi persuni li kienu fil-viċin intervjenew mill-ewwel, tellgħuh mill-baħar u taw l-ewwel għajnuna sakemm wasal tim mediku fuq il-post. Ir-raġel ittieħed immedjatament b’ambulanza lejn l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, iżda sfortunatament kien iċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara.
Il-maġistrat tal-għassa, dr Simone Grech, ġiet infurmata bil-każ u fetħet inkjesta maġisterjali biex jinvestigaw il-fatti. L-investigazzjonijiet mill-pulizija għadhom għaddejjin.