Mara titlef ħajjitha f’ħabta bejn vann u karozza f’Ħal Lija

Mara ta’ 79 sena tilfet ħajjitha u żewġ irġiel spiċċaw l-isptar, wieħed minnhom f’qagħda serja, wara ħabta gravi bejn karozza u vann fi Triq il-Mosta, Ħal Lija

Ritratt: Puluzija ta' Malta
Ritratt: Puluzija ta' Malta

 Mara ta’ 79 sena tilfet ħajjitha u żewġ irġiel ġew midruba, wieħed minnhom f’qagħda serja, f’inċident tat-traffiku li seħħ illum għall-ħabta tal-10:30 ta’ filgħodu fi Triq il-Mosta, Ħal Lija.

Il-Pulizija ġiet infurmata dwar l-inċident u marret immedjatament fuq il-post, fejn minn investigazzjonijiet preliminari rriżulta li kienet seħħet ħabta bejn vann Renault Trafic, misjuq minn żagħżugħ ta’ 24 sena residenti l-Imtarfa, u karozza Suzuki Swift misjuqa minn raġel ta’ 81 sena residenti l-Mosta. Fil-karozza kienet qiegħda wkoll il-mara ta’ 79 sena, li tgħix ukoll il-Mosta.

Fuq il-post issejħu membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku, u t-tliet persuni kollha ttieħdu b’emerġenza lejn l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ambulanzi.

Sfortunatament, il-mara ġiet iċċertifikata mejta ftit tal-ħin wara, filwaqt li r-raġel ta’ 81 sena jinsab f’qagħda serja. Il-kundizzjoni tas-sewwieq tal-vann għadha pendenti.

Il-Maġistrat tal-Għassa Dr Ian Farrugia LL.D ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta biex jiġu investigati ċ-ċirkustanzi tal-inċident. Intant, l-investigazzjonijiet tal-Pulizija mill-għassa ta’ Birkirkara għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija