Kważi nofs il-priġunieri huma Maltin
Minn 745 priġunier, 383 minnhom jiġu minn iżjed minn 50 pajjiż differenti

More in Qrati u Pulizija
Minn 745 priġunier, 383 minnhom jiġu minn iżjed minn 50 pajjiż differenti
Il-Ministru għall-Intern qal li fost 745 persuna fil-ħabsijiet ta’ Malta, 362 minnhom huma Maltin. It-383 priġunier l-ieħor jiġu minn iżjed minn 50 pajjiż differenti.
Waqt is-seduta parlamentari ta’ nhar it-Tlieta, Graziella Attard Previ għamlet mistoqsija parlamentari lil Byron Camilleri rigward l-ammont, il-ġeneru, l-età, u n-nazzjonalità tal-priġunieri f’Kordin. Fir-risposta tiegħu, Camilleri qal li 685 mis-745 priġunier huma rġiel u 60 minnhom huma nisa.
Camilleri qal li t-383 priġunier barrani jiġu minn bosta pajjiżi differenti, speċifikament mill-Afganistan, l-Albanija, l-Alġerija, il-Belġju, il-Bożnija Ħerzegovina, il-Brażil, ir-Renju Unit, il-Bulgarija, il-Burkina Faso, il-Kanada, Cabo Verde, iċ-Chad, iċ-Ċilì, iċ-Ċina, il-Kolombja, il-Kroazja, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, ir-Repubblika Dominicana, l-Olanda, l-Ekwador, l-Eġittu, l-Eritrea, l-Etjopja, il-Filippini, Franza, il-Gambja, il-Georgia, il-Ġermanja, il-Ghana, il-Greċja, Guinea-Bissau, il-Guinea, l-Ungerija, l-Indja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kosta tal-Avorju, il-Kuwajt, il-Liberja, il-Libja, il-Maċedonja ta’ Fuq, il-Madagaskar, il-Malażja, il-Mali, il-Moldova, il-Marokk, in-Nepal, in-Niġerja, in-Niġer, in-Norveġja, il-Pakistan, il-Palestina, il-Panama, il-Perù, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Senegal, is-Serbia, is-Seychelles, is-Slovakkja, is-Slovenja, is-Somalja, Spanja, is-Sudan, is-Sirja, it-Togo, it-Tuneżija, it-Turkija, l-Uganda, l-Ukrajna, l-Użbekistan u l-Veneżwela.
Fl-istess seduta, saru bosta mistoqsijiet parlamentari fuq id-demografija ta’ Kordin. Id-Deputat Nazzjonalista Ivan Bartolo staqsa lil Camilleri fuq kemm mietu priġunieri b’mewta naturali f’Kordin mill-2020 s’issa. Ir-risposta għal din il-mistoqsija kienet li sitt priġunieri mietu waqt li kienu qed jiskontaw sentenza.
Bartolo staqsa wkoll fuq kemm kien hemm persuni li reġgħu daħlu l-ħabs wara li ħarġu għax kienu skontaw sentenza mill-2020 s’issa. 273 persuna reġgħu daħlu sa Diċembru tal-2020, 252 sa Diċembru tal-2021, 223 sa Diċembru tal-2022, 218 sa Diċembru tal-2023, 192 sa Diċembru tal-2024, u 189 sal-25 ta’ Jannar tal-2025.
Mistoqsija oħra f’dan ir-rigward saret mill-istess Bartolo fuq kemm kien hemm priġunieri li ħarġu mill-ħabs wara li lestew is-sentenza tagħhom mill-2024 s’issa. 333 priġunier inħelsu mill-ħabs fl-2024 u 174 sal-20 ta’ Ġunju 2025.