Chris Cardona jiċħad li kellu x'jaqsam fil-każ ta' Daphne Caruana Galizia

L-Eks Ministru Chris Cardona jagħti x-xhieda tiegħu fejn hu jiċħad kull rabta mal-pjan tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

L-Eks Ministru Chris Cardona (inset) jagħti x-xhieda tiegħu
L-Eks Ministru Chris Cardona (inset) jagħti x-xhieda tiegħu

F’ġurnata oħra ta’ xhieda intensiva fil-ġuri dwar l-assassinji ta’ Daphne Caruana Galizia u l-avukat Carmel Chircop, l-eks Ministru Chris Cardona deher bħala l-ewwel xhud tad-difiża, fejn hu ċaħad b’mod kategoriku kull rabta ma’ pjan biex tinqatel il-ġurnalista fl-2015.

Cardona qal li qatt ma ħa passi legali fuq l-allegazzjonijiet għax dawn kienu bbażati fuq kliem li Vince Muscat allega li sema' mingħand ħaddieħor, u mhux fuq xi akkuża diretta fil-konfront tiegħu.

Ix-xhieda ta’ Cardona kienet marbuta mal-verżjoni li ta Vince Muscat, magħruf bħala “il-Koħħu”, li allega li l-aħwa Degiorgio kienu semmgħu lil Cardona bħala l-moħħ wara attentat preċedenti biex toqtol lil Caruana Galizia permezz ta’ rifle. Cardona ċaħad dan u qal li għamel dikjarazzjoni mal-Pulizija meta ssemma’ ismu, iżda ma kellux fuq xiex jiftaħ libell peress li kienu sempliċi allegazzjonijiet indiretti.

Fit-tieni parti tas-seduta, xehed l-Avukat Arthur Azzopardi, li jifforma parti mit-tim legali ta’ Muscat. Huwa spjega kif fl-2018 Muscat kien inkwetat fuq bintu, hekk kif irċieva theddid li seta’ jinkludi wkoll l-aċidu. Azzopardi qal ukoll li Muscat xtaq li jieħu l-premju ta’ miljun ewro li kien qed joffri l-Gvern għal informazzjoni, sabiex ikun jista’ jħallas għall-protezzjoni. L-avukat insista li qatt ma semmiegħ dan il-premju mal-investigatur Keith Arnaud, iżda li sar jaf bih mingħand Muscat.

Il-prosekuzzjoni, immexxija minn Godwin Cini u oħrajn f’isem l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, talbet għal konfront bejn Azzopardi u Arnaud minħabba differenzi fil-verżjoni tagħhom dwar kif u meta ssemmgħu l-kwistjoni tal-maħfra u l-premju. L-ambjent fl-awla sar tens, b’punti legali u diskussjonijiet qawwija bejn il-partijiet, b’battibekki saħansitra bejn l-avukati tad-difiża u l-prosekuzzjoni.

Il-ġuri, li issa daħal fil-31 jum tiegħu, qed jinstema’ b’mod regolari u jinvolvi erba’ akkużati – l-aħwa Adrian u Robert Agius (magħrufa bħala Ta’ Maksar), Jamie Vella, u George Degiorgio. Huma qed jiffaċċjaw akkużi marbuta mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia fl-2017 u Carmel Chircop fl-2015. Il-proċess għadu għaddej u mistenni jkompli fi ġranet li ġejjin 
Aktar dettalji fil-ħin li ġej

More in Qrati u Pulizija