Raġel ittieħed l-isptar għall-kura wara li allegatament qala' daqqiet ta' arma taqta' bil-ponta waqt argument li seħħ dalgħodu fi Triq il-Gardiel, Wied il-Għajn.
Skont informazzjoni li kiseb dan il-ġurnal, l-inċident seħħ għall-ħabta tad-9:00am. Meta waslu l-pulizija fuq il-post, huma skoprew li mara allegatament użat arma li taqta’ bil-ponta u laqtet biha lir-raġel, li sofra xi ġrieħi.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti lir-raġel, li ttieħed l-isptar Mater Dei b’ambulanza. Il-kundizzjoni tiegħu għadha pendenti.
Il-pulizija arrestat lill-mara involuta, filwaqt li l-investigazzjonijiet qed ikomplu. Sorsi qrib l-investigazzjoni indikaw li l-każ qed jiġi meqjus bħala wieħed ta’ vjolenza domestika.
Il-pulizija qed tkompli bl-investigazzjonijiet u aktar dettalji mistennija joħorġu fil-ħin li ġej.