Żewġt irġiel, Masab Kanan ta’ 24 sena mis-Sirja u Mohamed Mustafa Abdalla Almagbri ta’ 30 sena mil-Libja, ġew miżmuma taħt arrest preventiv wara li ġew mixlija b’għadd ta’ reati, fosthom diversi każijiet ta’ serq u detenzjoni illegali ta’ persuni kontra r-rieda tagħhom. Iż-żewġt irġiel ċaħdu l-akkużi miġjuba kontrihom.
Almagbri kien ukoll akkużat b’riċediva u pussess ta’ metanfetamina.
Il-Prosekuzzjoni spjegat li fil-23 ta’ Diċembru li għadda, il-Pulizija rċevew rapport dwar serqa f’Paceville. Il-vittma rrakkonta li, waqt li kien fil-viċinanzi ta’ Pender Gardens, resqu lejh żewġt irġiel. Għalkemm ma jiftakarx ħafna minħabba li ntilef minn sensih, irrealizza li kien spiċċa ġewwa vann fil-Marsa.
Instab ukoll li kienu saru diversi tranżazzjonijiet minn kont Revolut tal-vittma, inkluż il-ġbid ta’ €1,000 minn ATM f’Paceville u trasferiment ta’ €2,200 lil mara li tgħix f’Għawdex.
Fit-3 ta’ Jannar, il-Pulizija rċevew rapport ieħor simili ħafna. F’dan il-każ, il-vittma sostna li kien ġie misruq wara li kien offrut xorb u sigarett minn żewġ individwi f’bar f’Paceville. Għalkemm hu wkoll intilef minn sensih, irnexxielu jiftakar li sab ruħu f’post imwarrab f’Pembroke.
L-analiżi tal-filmati tas-CCTV kixfet li l-istess żewġ persuni kienu involuti f’dan il-każ kif ukoll fl-ewwel wieħed. Barra minn hekk, ġew identifikati tliet rapporti oħra simili fejn individwi allegaw li ġew avviċinati minn żewġt irġiel qabel ma tahom ħass ħażin u skoprew li tilfu xi oġġetti fil-pussess tagħhom.
F’raid f’kamra ta’ lukanda fejn kienu joqogħdu l-akkużati, il-Pulizija sabet diversi oġġetti relatati mas-serqiet, inkluż arloġġ prezzjuż li allegatament kien jappartjeni lill-vittma tas-serqa tal-23 ta’ Diċembru.
L-Ispettur Lydon Zammit informa lill-Qorti li għadhom għaddejjin investigazzjonijiet dwar każijiet oħra relatati mal-akkużati.
L-avukati tad-difiża indikat li għalissa mhux se jsir talba għall-ħelsien mill-arrest.
Il-Prosekuzzjoni kienet immexxija mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia, bl-assistenza tal-Avukati Justine Brincat u Martina Calleja mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali. Kanan kien irrappreżentat mill-Avukat Nicholas Mifsud, filwaqt li Almagbri kien irrappreżentat mill-Avukati Franco Debono u Adreana Zammit.