Raġel ta’ 31 sena arrestat fuq suspett ta’ traffikar ta’ droga wara rapport anonimu

Wara tfittxija, il-Pulizija sabu diversi pakketti ta’ sustanzi suspettati li huma droga, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti. Is-sustanzi misjuba allegatament jinkludu kokaina, kannabis, u MDMA

Raġel ta’ 31 sena ġie arrestat ilbieraħ filgħaxija fuq suspett ta’ traffikar ta’ droga wara rapport anonimu li rċevew il-Pulizija.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalu li għall-ħabta tat-8:30pm, huma rċevew rapport anonimu dwar raġel li allegatament kien qed jittraffika d-droga fi Triq it-Tamar, f’San Pawl il-Baħar. Il-Pulizija marru minnufih fuq il-post, fejn innutaw raġel li kien jaqbel mad-deskrizzjoni mogħtija fir-rapport.

Mad-dehra tal-karozzi tal-Pulizija, ir-raġel, li huwa ta' nazzjonalità Libjana, ipprova jaħrab minn fuq il-post, iżda ġie arrestat minnufih.

Wara tfittxija, il-Pulizija sabu diversi pakketti ta’ sustanzi suspettati li huma droga, kif ukoll ammont ta’ flus kontanti. Is-sustanzi misjuba allegatament jinkludu kokaina, kannabis, u MDMA.

Il-Pulizija komplew it-tfittxija fid-dar tas-suspettat, fejn allegatament sabu aktar droga u flus. Qalu wkoll li nstabu erba’ mobiles moħbija ġewwa sett televiżjoni.

Il-Maġistrat Antione Agius Bonnici inawgura inkjesta fuq il-każ, hekk kif l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

Is-suspettat bħalissa qed jinżamm taħt kustodja tal-Pulizija u mistenni jitressaq il-Qorti fil-jiem li ġejjin.

More in Qrati u Pulizija