Ħames persuni assoċjati mal-kriminalità organizzata ġew arrestati wara li allegatament instabu fil-pussess ta’ kwantitajiet kbar ta’ droga.
Il-Pulizija qalet li wara ġimgħat ta’ osservazzjonijiet u intelliġenza investigattiva, is-suspettati ġew identifikati. Nhar il-Ħadd, il-pulizija daru vettura fiż-Żabbar, fejn irnexxielhom jirkupraw seba’ kilogrammi ta’ kokaina.
Intant, l-investigazzjonijiet komplew f’residenza oħra fiż-Żabbar u f’żewġ residenzi oħra f’Marsaskala. Hawnhekk, il-pulizija skoprew aktar kokaina, sitt kilogrammi ta’ kannabis, armi tan-nar, munizzjon, ammont konsiderevoli ta’ flus kontanti kif ukoll dokumenti ffalsifikati, fost affarijiet oħra.
Is-suspettati kollha huma ċittadini barranin. Fosthom hemm raġel ta’ 36 sena u mara ta’ 22 sena mis-Serbja, raġel Kroat ta’ 34 sena, raġel Makkedonjan ta’ 54 sena, u raġel Taljan ta’ 37 sena.
Huma qed jinżammu bħalissa fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija fil-Furjana, u mistennija jitressqu l-Qorti illum.