Mara ta' 30 sena sofriet ġrieħi serji wara li ġiet milquta minn karozza kmieni s-Sibt filgħodu.
Il-Pulizija ġew infurmati li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-4am fi Triq id-Dragunara, f’San Ġiljan. Irriżulta li l-vittma, mara minn Ħal Għaxaq, kienet intlaqtet minn karozza li allegatament baqgħet sejra.
Il-vittma ttieħdet b’ambulanza lejn l-Isptar Mater Dei, fejn ġiet iċċertifikata li sofriet ġrieħi serji.
Ftit wara, il-Pulizija rnexxielhom jinstabu l-vettura allegatament involuta fl-inċident, Toyota Vitz, u arrestaw raġel ta’ 26 sena minn San Ġwann biex ikomplu bl-investigazzjonijiet.
Il-Maġistrat Philip Galea Farrugia qed imexxi l-inkjesta dwar il-każ.
L-investigazzjoni tal-Pulizija għadha għaddejja.