AĠĠORNATA: L-inġinier Robert Schembri identifikat bħala r-raġel li miet f'Tas-Sliema

L-inġinier Robert Schembri kien qiegħed jgħin membru tal-familja fil-bokka tal-lift ta' residenza f'Tas-Sliema meta waqa’ madwar erba’ sulari

L-inġinier Robert Schembri identifikat bħala r-raġel li tilef ħajtu wara li waqa’ erba’ sulari f’bokka ta’ lift.
L-inġinier Robert Schembri identifikat bħala r-raġel li tilef ħajtu wara li waqa’ erba’ sulari f’bokka ta’ lift.

Is-Sibt waranofsinhar tħabbret il-mewt tal-inġinier Robert Schembri, fl-età ta' 64 sena. Schembri kien identifikat bħala l-vittma illi tilef ħajtu f'inċident ġewwa residenza privata f'Tas-Sliema.

Għall-ħabta ta’ nofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza ġewwa blokka ta’ appartamenti fi Triq Stella Maris, Tas-Sliema. Minn investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li Schembri, residenti Santa Luċija, waqa’ madwar erba’ sulari waqt li kien qed jagħmel xi xogħol lil xi xi ħadd tal-familja fil-bokka tal-lift.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti iżda sfortunatament huwa kien iċċertifikat mejjet. 

Schembri kien membru tal-Bord tal-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni. Il-BCA li f’kitba fuq Facebook tat il-kondoljanzi lill-qraba tiegħu f’dan il-mument diffiċli.

L-istess għamel l-Ministru għall-Affarijiet Barranin u Ewropew u l-Kummerċ, Ian Borg, li ddeskriva lil Schembri bħala "l-mutur wara t-tmexxija tal-Inġinier Fredrick Azzopardi f’diversi proġetti importanti fil-pajjiż."

Il-Maġistrat Joe Mifsud ġie infurmat bil-każ u ħatar inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.

More in Qrati u Pulizija