Surġent tal-Pulizija ġie kkundannat għal sentejn ħabs, sospiżi għal erba' snin, wara li ammetta li weġġa’ gravi lil tifel ta’ 14-il sena.
L-inċident seħħ meta l-pulizija ta’ 37 sena, li ismu ma jistax jixxandar fuq ordni tal-Qorti, kien imsejjaħ fuq post f’Birkirkara fejn jingħataw kenn żgħażagħ, wara li t-tifel kien qala x’inkwiet.
Wara li wassal lit-tifel għall-kura, l-uffiċjal informa lis-superjuri tiegħu b’dak li ġara u mar volontarjament fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija biex jiġi interrogat.
Fil-Qorti, huwa ammetta li insulta u hedded lit-tifel, beżżgħu, kiser il-paċi pubblika, u wettaq reat bħala uffiċjal pubbliku.
Il-Maġistrat Gabriella Vella rrimarkat li l-pulizija għandu kondotta nadifa u li rrapporta mill-ewwel l-inċident lis-superjuri tiegħu.
Huwa kien ordnat iħallas €826 lill-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, li tmexxi l-post, kif ukoll il-ħlas għas-sessjonijiet ta’ trattament psikoloġiku għat-tifel.
Il-Maġistrat Vella enfasizzat li, minkejja l-gravità tal-każ, ma kienx meħtieġ li l-pulizija jiġi mkeċċi mix-xogħol.
Il-prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Tilden Tabone mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali u l-Ispettur Jessica Bezzina. L-Avukati Alfred Abela u Renè Darmanin iddefendew lill-pulizija, filwaqt li l-Avukat Christian Camilleri deher għat-tifel.