L-avukat Franco Debono spjega illi jekk il-pulizija ma komplewx bl-investigazzjonijiet tagħhom, bħal ma hemm l-indikazzjoni li għamlu, u l-inkjesta Vitals innifisha hija l-unika evidenza, mela kumpilazzjoni ta’ evidenza fil-Qorti se tieħu seduta waħda.
“F’dan il-każ, f’dawn iċ-ċirkostanzi, jekk l-inkjesta hija l-unika prova, mela f’seduta waħda ħa jingħalqu l-provi. Se jiġu, jesebixxu l-evidenza, u daqsekk. Il-proċess ma naħsibx li se jdum,” huwa qal.
Jitkellem fuq il-programm Xtra, fuq TVM, it-Tnejn filgħaxija, Debono qal li kif irriżultaw l-affarijiet iġibu magħhom sitwazzjonijiet “perikolużi.”
Dan għaliex, hu jargumenta, li seħħew diversi ksur ta’ drittijiet, speċjalment meta l-akkużati ma ġewx mogħtija twissija, jew inkella ma ġewx interrogati.
“Meta jkollok każ bħal dan, ta’ ħasil tal-flus, il-liġ kważi tpoġġi l-piż fuqek, sabiex inti tirribatti l-akkużi miġjuba kontrik,” Debono beda’ jispjega.
“Wieħed mill-igredjenti tar-reat, tista’ tirribatih. Imma jekk il-pulizija qatt ma baghtu ghalik, l-ispjegazzjoni kif se itrrebatiha? Allura hemm ksur tad-drittijiet… Jekk dan kien susspettat, u ma wissejthux li kien suspettat, hemm sensiela ta’ ksur li seħħ,” Debono qal.
Minkejja dan, Debono spjega wkoll li issa jkunu l-Qrati li jiddeċiedu jekk hemmx ksur tad-drittijiet umani, jew le.
Intant, l-avukat qal ukoll illi “l-mantra, li qisu kulħadd beda’ jippunta subajgħ lejn il-maġistrat,” qed tonqos milli tfakkar li l-pulzija wkoll ma bagħtux għas-suspettati.
“Kieku forsi baghtu ghalihom il-pulizija u l-investigazzjoni ma saritx biss mill-maġistrat iżda mill-pulizija ukoll, kieku dik il-mantra li noqghodu nippuntaw subghajna lejn il-maġistrat ma kinitx treġġi daqsekk, jew tkun inqas komdu taghmilha,” Debono qal.