Il-każ tal-eks kuntistabbli, li sena ilu nstab ħati b’fastidju sesswali, se jerġa jinstema' mill-ġdid wara li t-talba tal-Avukat Ġenerali ġiet milqugħha mill-Qorti tal-Appell.
Oriġinalment, ir-raġel, li ismu ma jistax jisemma b’ordni tal-Qorti, ġie akkużat bi stupru, f’Marzu tal-2023.
L-akkużat kien ikkundannat sena ħabs sospiżi għal sentejn talli fl-2018 ta fastidju lil mara li dak iż-żmien kellha 19-il sena.
L-eks kuntistabbli tal-pulizija kien akkużat ukoll li stupra kollega mara darbtejn f’perjodu ta’ tliet ġimgħat fl-Għassa tal-Pulizija tal-Imsida. Iżda hu qatt ma nstab ħati ta’ dan.
L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera kienet qalet li l-verżjoni tal-vittma ma kinitx konsistenti, iżda l-akkużat kien ammetta li stupra lill-vittma fi stqarrija mal-pulizija.
Din il-parti mill-evidenza ma setgħetx tiġi inkluża wara li l-avukati difensuri kkwotaw tibdil fil-liġi u l-istqarrija, meta rrimarkaw li l-istqarrija ġiet mogħtija mingħajr l-avukat.
L-Avukat Ġenerali kienet appellat is-sentenza tal-ewwel Qorti u l-Erbgħa filgħodu, il-Qorti tal-Appell annullat is-sentenza u ordnat li l-ġuri jerġa’ jsir u din il-parti tal-evidenza trid tiġi inkluża.