Siċiljan, mfittex mill-awtoritajiet Taljani, b’konnessjoni ma' traffikar tad-droga u li kien parti minn grupp kriminali, deher fil-Qorti wara l-arrest tiegħu f’Malta.
Gianluca Caruso, 32, ilu jgħix Malta għal seba’ snin, qabel ma deher quddiem il-Maġistrat Joseph Gatt l-Ġimgħa qabel waranofsinhar.
Huwa kien akkumpanjat mis-sieħba teigħu, li bħalissa qed tistenna tarbija.
L-ispettur Roderick Spiteri spjega li l-pulizija arrestaw lil Caruso fuq il-post tax-xogħol ilbieraħ waranofsinhar, b’ordni ta’ arrest ewropew, maħruġ f’ismu minn Katanja, fi Sqallija.
Juri l-kopji tad-dokumenti fil-Qorti, l-ispettur qal li d-dipartiment forensiku kkonferma l-marki tas-swaba ta’ Caruso ma' dawk mibgħutha mill-EAW.
L-awtoritajiet fl-Italja qed jitolbu l-estradizzjoni tiegħu wara li fl-2020, Carusa kien akkużat bi traffikar ta’ kokajina u ħaxixa, waqt li kien ma’ grupp kriminali. Huwa ntbat seba’ snin u xahrejn ħabs, bis-sena tiġi ikkonfermata wkoll mill-Qorti tal-Appell.
L-investigazzjonijiet kienu stabbilixxew li t-traffikar tad-droga kien qed isir bi qligħ għall-familja mafjuża Cappello-Bonaccorsi.
Wara li jitnaqqas iż-żmien li huwa għamel fil-kustodja tal-awtoritajiet, jinstab li Caruso jrid ikompli sitt snin u disa’ xhur priġunerija ġaladarba jiġi rritornat lejn Sqallija.
Skont rapporti Taljani, waqt li kien fuq libertà proviżorja taħt numru ta’ kundizzjonijiet, Caruso telaq minn Sqallija u beda ħajja ġdida f’Malta, iżda l-każ kontrih baqa' għaddej u ġie kkonklud fl-2020.