Dan ir-rapport kien aġġornat bl-aħħar informazzjoni fis-5:55pm
Maġistrat ordnat lill-pulizija biex tinvestiga u tiddentifika l-uffiċjali pubbliċi u l-entitajiet li “mmanipulaw lill-votanti biex jibdlu l-indirizz tagħhom” għal sit ta’ kostruzzjoni fis-Siġġiewi qabel l-elezzjonijiet li ġejjin.
L-ordni ngħatat mill-Maġistrat Donatella Frendo Dimech, f’każ mressaq mill-PN, li fihom il-partit qed jitlob ir-revoka tal-bidliet riċenti fl-indirizz ta’ diversi votanti.
Il-ġimgħa li għaddiet, il-Maġistrat Frendo Dimech għamlet żjara personalment fuq il-post biex tara hi stess qabel ma qieset it-talba tal-PN li l-proġett tad-djar Binja Silvio Parnis fis-Siġġiewi, fejn kienu reġistrati bħala residenti 99 votant minn distretti oħra, fil-fatt ma kienx abitabbli.
Il-maġistrat kkonkludiet li “bla ebda dubju” l-votanti ma ħadux l-inizjattiva huma biex jirreġistraw isimhom fl-indirizz inkwistjoni, u huwa tal-mistħija li ġew immanipulati b’dan il-mod.
Semmiet kemm hi inkwetanti illi persuna partikolari ġiet mwegħda akkomodazzjoni soċjali fl-2021, imma ġiet allokata fl-appartament kmieni din is-sena, bil-kuntratti lanqas biss huma lesti.
Esprimiet tħassib bl-involviment ta’ Malita Investments PLC, il-kumpanija responsabbli mill-bini tal-akkomodazzjoni soċjali f’Malta, u li tagħha l-gvern hu l-imsieħeb maġġuri, b’ħames minn seba’ membri fil-board, appuntati propju mill-gvern.
Xhud mill-aġenzija Identità kkonferma ukoll li kienet il-Kap Eżekuttiv ta’ Malita Jennifer Falzon stess li bagħtet personalment għal diversi membri tal-istaff tagħha biex isellmu lill-persuni allokati l-appartamenti fil-blokk.
“Irriżulta li uffiċjali ta’ Identità marru fil-binja, f’kamra numru 711 f’Entratura 7, fejn hemm bdew jilqgħu eletturi li ntbagħtu jbiddlu l-karta tal-identità fuq indirizz ġdid. L-applikazzjoni għal din il-bdila saret fl-10 ta’ April li għadda,” ix-xhud qal.
Fuq il-post kien hemm ukoll uffiċjal tal-Identita’, li ffirma u kkonferma bħala xhud li l-eletturi in kwistjoni kienu joqogħdu fil-bini.
Il-Maġistrat Frendo Domech qalet ukoll fid-deċiżjoni tagħha li l-għaġġla li bih sar dan il-bdil fl-indirizzi tidher fil-fatt li l-karta tal-identità għandha data tat-twelid, post tat-twelid u s-sess neqsin minn kull dettal stipulat skont il-liġi.
Mhux talli hekk, iżda l-uffiċjal minn Identità, li kif fuq is-sit tal-binja, ivverfika u ffirma bħala xhud li l-elettur kien qed jabita fil-binja meta kien ovvja li ma kellhiex residenti, kif ikkonstatat il-Maġistrat Frendo Dimech meta għamlet l-aċċess kważi xahar wara li saru l-applikazzjonijiet ta’ bdil fl-indirizz.