Tifla ta' 12-il sena f'koma wara 16-il daqqa sikkina m'għand l-eks sieħeb ta' ommha

L-omm, bid-dmugħ f'għajnejha tirrakkonta r-relazzjoni abbużiva tagħha hekk kif il-Qorti tibda tisma’ xhieda kontra Nazzareno Dalli, li jinsab akkużat bl-attentat ta’ qtil taż-żewġt ibniet tal-eks sieħba tiegħu, ta’ 12 u 15-il sena

Speċjalista fil-mediċina ddeskriva l-feriti li qalgħet it-tifla ta’ 12-il sena minn daqqiet ta’ sikkina, għal 16-il darba,  mill-eks sieħeb ta’ ommha.

Il-Maġistrat Marseanne Farrugia ppresediet l-ewwel seduta intensa fil-kumpilazzjoni tal-provi kontra Nazzareno Dalli.

Dalli ta’ 43 sena, li hu magħruf ukoll bħala Ronald, jinsab akkużat bl-attentat ta’ qtil taż-żewġt ibniet adoloxxenti tal-eks sieħba tiegħu – ta’ 12 u 15-il sena, kif ukoll feriti gravi, arrest illegali u attakk ta’ tfajliet b’sikkina, fost akkużi oħra, li jinkludu pussess ta’ kokaina.

Dalli ġiet arrestata fid-9 ta’ Marzu, wara li s-servizzi tal-emerġenza rċevew sejħa għall-assistenza f’residenza fi Triq San Tumas, il-Marsa.

Fost ix-xhieda li xehdu llum kien hemm l-ispeċjalista tal-mediċina tal-emerġenza Dr Josef Mifsud, li kien responsabbli biex jikkura lit-tifla ta’ 12-il sena xħin daħlet fid-dipartiment tal-emerġenza. 

Il-pazjent iddaħħal fi stat konfuż. Il-Glasgow Coma Score tagħha kien ta’ 9, qal it-tabib, u spjega li kienet f’xifer li titlef il-passaġġ tan-nifs. "Kienet f'xokk ta’ klassi 4, l-aktar klassi serja, wara li tilfet 30% sa 40% tad-demm tagħha."

“Fuq it-tifla ta’ 12-il sena, iddokumentajt 16-il ferita ta’ sikkina u fejn jinsabu. Saret CT scan. Hija kienet f’qagħda kritika meta ddaħħlet. Amministrajna żewġ boroż demm. Kienet tegħleb id-demm internament u kienet qed tbati minn pnewmotorax bilaterali, jiġifieri ż-żewġ pulmuni tagħha bdew ifallu.” 

It-tifla kellha tiġi intubata biex tibqa’ tieħu n-nifs, qal.

Il-qalb tat-tifla wkoll intlaqtet mis-sikkina, il-milsa u l-fwied tagħha kienu imqattgħin u kellha feriti fil-kliewi tax-xellug u l-frixa. Hija kienet ukoll sofriet ksur ta’ waħda mill-kustilji ,qal it-tabib.

 

Mitluba biex tispjega f’termini aktar sempliċi, it-tabi qal li “Iż-żewġ pulmuni tagħha kellhom ħsara, flimkien ma’ qalbha, il-milsa u l-marrara. Kienet kważi mitlufa minn sensiha, tgemgem.”

 

L-Ispettur tal-pulizija Ian Vella qal lill-Qorti li Dalli ħareġ stqarrija awdjoviżiva fil-preżenza tal-avukat tiegħu, wara l-arrest tiegħu. F’dik id-dikjarazzjoni, qal, Dalli kien ikkonferma li fil-lejl ta’ qabel l-inċident, kien qiegħed jaħdem bħala gwardjan tas-sigurtà fil-bar Osiris f’Marsaskala. Malli daqqew l-4am u l-bar għalaq baqa’ ma’ oħtu u żewġ ċittadini Serbi, mhux identifikati, jixrob u qed jieħu d-droga. Wara kienu marru fil-bar Red Star fiż-Żejtun, fejn qal, kienu komplew jikkunsmaw aktar droga.

 

Mitlub jispeċifika x’droga ttieħdet, l-ispettur qal li għall-bidu Dalli kien kkonsma kokaina. Imbagħad Serb kien biegħlu xi sustanza oħra, li ma setax jiftakar x’ġara wara li kien ikkonsmaha.

 

Ritratti li ttellgħu fuq il-midja soċjali kkonfermaw il-preżenza ta’ Dalli kemm f’Redstars kif ukoll f’Osiris dak il-lejl, qal l-ispettur. "Hu kien liebes l-istess ħwejjeġ li kien arrestat bihom, ħlief il-flokk iswed." Ir-ritratt kien juri s-sikkina ta’ 30cm li wara nstabet fuq il-post, imdendla maċ-ċinturin, żied jgħid l-ispettur.

Dan ir-ritratt ta’ Dalli kellu il-frażi “Vendetta,” qal l-ispettur.

Iż-żewġ uffiċjali tal-pulizija li kienu waslu fil-post, iddeskrivew ix-xena inkwetanti li sabu.

Surġent qal lill-Qorti li kien iltaqa’ mat-tifel ta’ 14-il sena, ħafi jiġri lejhom fit-triq. It-tifel qal lill-pulizija li Dalli kien attakka lill-familtu b’sikkina. L-uffiċjali daħlu fid-dar u sabu is-sikkina wara l-bieb ta’ barra, imgeżwraf’ċarruta, bid-demm għadu qed iqattar mix-xafra. 

“Smajt biki ta’ wġigħ waqt li tlajt it-taraġ... sibt tifla żgħira tibki mal-art. Kienet miksija bid-demm. Ċempilt għal ambulanza. Erfajtilha l-flokk u rajt li kellha ħafna feriti, fuq żaqqha, dirgħajha u daharha. Bdejt nipprova nwaqqaf id-demm. In-nifs tagħha beda jitqal u kienet kważi mitlufa minn sensiha.”

F’dak il-ħin uffiċjal ieħor kien qallu li t-tieni tifla feruta kienet fuq il-bejt. 

Il-kuntistabbli mara li kienet akkumpanjat lix-xhud ta’ qabel xehdet wara b’leħinha jirtgħod.  

Fuq il-bejt, sabet lit-tfajla l-kbira, b’ferita profonda f’idejha. "Waqt li tajt l-ewwel għajnuna tagħha, innutajt li kellha diversi feriti fondi, l-għadam kien viżibbli minn waħda minnhom."

 

Omm it-tifla tat ukoll xhieda tagħha waqt is-seduta tal-Ġimgħa, u ddeskriviet ir-relazzjoni abbużiva tagħha ta’ 3 snin mal-akkużat u t-tifkiriet tagħha tal-inċident.

“Dak in-nhar, qomt filgħodu bħas-soltu... mort nixtri, kien għall-ħabta tal-11am. [It-tfal] kienu fuq is-sodda. It-tifel fuq il-Playstation u waħda mill-bniet kienet kienet rieqda. Meta rritornajt, sibt lit-tifel … qalli ‘Zaren ġie hawn.’ Mort nipprova nidħol ġewwa imma uffiċjal tal-pulizija waqqafni. ‘Għidtlu li wliedi kienu ġewwa. Ibni kien fi stat ta’ xokk kbir.

Binti l-kbira kienet instabet fuq il-bejt tal-washroom, “Naħseb li tant beżgħet li telgħet hemm biex taqbeż,” qalet.

“Meta qalli li t-tifla tilfet ħafna demm u forsi ma tibqax ħajja, ippanikkajt u bdejt nagħti lili nnifsi. Ħarġu lit-tifla tiegħi f’koma, kważi mejta. Għattewlha rasha u kollox, għidt daqshekk, mietet.”

Hija setgħet tara lil bintha biss, 24 siegħa wara l-operazzjoni tagħha. “Binti hija miksija bid-daqqiet. Hija kollha meħjuta minn ġewwa... Kulħadd fl-isptar qalli li kien miraklu li baqgħet ħajja. Bilkemm niflaħ inħares lejha.”

Mistoqsija dwar ir-relazzjoni tagħha mal-imputat, hija qalet li kemm-il darba ppruvat ittemmha.

Hija kienet temmet ir-relazzjoni fid-29 ta’ Diċembru 2023, qalet, iżda Dalli kompla jtiha fastidju. “Hu qatt ma aċċettaha. Kien iċempilli, ripetutament. Imblokkajt in-numru tiegħu imma kien iċempilli minn mowbajls ta’ ħaddieħor. Spiċċajt nibdel in-numru tiegħi. Imbagħad kien jiġi ħdejn il-bieb tiegħi, iħabbat u jgħajjat. Kont immur innaddaf dar ta’ klijent u kont insibu hemmhekk ukoll.”

L-aħħar darba li kienet ratu qabel l-attakk kien mar iħabbtilha fuq il-bieb f'nofsillejl u jgħajjarha. 

"Kont għedtlu ħafna drabi biex intemmu kollox, għax ma naqblux ma' xulxin... Kull darba li rrifjuta li jaċċettaha, kien jheddidni."

F’ħin minnhom, hija kienet qattgħet ġimgħa f’xelter għall-vjolenza domestika b'tentattiv li toħroġ mir-relazzjoni. "Kont għejjejt."

“Kont inċempel lill-pulizija u ngħidilhom biex jiċċekkjaw jekk il-bieb ta’ barra tiegħi kienx ġie sfurzat miftuħ. Ma kienx. Hu [Dalli] kien ikun ġewwa u kien jgħid lill-uffiċjali li kien hemm bil-permess tiegħi.”

Dalli qatt ma kellu ċavetta tad-dar, saħqet il-mara, lanqas meta kienu f’relazzjoni flimkien.

Il-kumpilazzjoni tal-evidenza tkompli x-xahar id-dieħel.

L-Ispetturi Wayne Camilleri u Ian Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni, assistiti mill-avukati Etienne Savona u Manuel Grech mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-avukati Arthur Azzopardi, Nicholas Mifsud u Franco Debono huma avukati difensuri.

More in Qrati u Pulizija