Sewwieq ta' mutur li naqas milli jieqaf meta l-pulizija għamlulu sinjal waqt li kien qed juża l-mowbajl, spiċċa qed jaffaċċja akkużi wara li l-uffiċċjaliu sabulu kannabis kemm fuqu u kemm ġewwa daru.
L-ispettur Francesco Muzzi ressaq il-Qorti lil Mijajlo Gjelev ta' 23 sena residenti San Pawl il-Baħar, quddiem il-maġistrat Lara Lanfranco. Huwa ġie mixli b'traffikar ta' droga, pussess ta' droga f'ċirkostanzi li ndikaw ma kinux għall-użu personali, mixli li għamel dikjarazzjoni falza mal-awtoritajiet u uża dokument iffalsifikat.
Gjelev kien mixli ukoll li kien qed isuq bla liċenzja jew polza tal-assigurazzjoni, li kien qed iġorr miegħu sikkina fil-pubbliku u li uża mowbajl waqt li kien qed isuq fit-traffiku.
L-ispettur Mizzi spjega li uffiċċjali tal-pulzija raw lil Gjelev jitkellem fuq il-mowbajl waqt li kien wieqaf fit-traffiku, iżda meta ressqu qrib tiegħu u ordnawlu jersaq għall-ġen, Gjelev saq 'il bogħod minnhom. Eventwalment Gjelev ġie mwaqqaf u waqt it-tfittxija, l-pulizija skopriet li ma kellux liċenzja u lanqas polza tal-assigurazzjoni. Barra minn hekk, il-pulizija sabulu wkoll kannabis fil-pussess tiegħu kif ukoll sikkina. Gjelev ġie arrestat.
Wara li l-pulizija kisbu mandat ta' tfittxija, sabu aktar kannabis f'daru. Fil-qorti, it-Tnejn filgħodu, Gjelev wieġeb mhux ħati għall-akkużi.
L-avukat difensur, Robert Piscopo, infurma lill-qorti li mhux se jkun jagħmel talba għal-libertà proviżorja f'dan l-istadju.