Jibda l-ġuri dwar il-qtil ta' Rita Ellul li seħħ fl-2022

Lawrence Abina ta’ 32 sena ġie akkużat b'omiċidju

Rita Ellul ta' 49 sena nqatlet fis-26 ta' Frar 2022
Rita Ellul ta' 49 sena nqatlet fis-26 ta' Frar 2022

Beda l-ġuri ta’ Lawrence Abina, akkużat li faga lis-sieħba tiegħu sentejn ilu. 

Il-ġurija ġiet magħżula dalgħodu, il-Ħamis, u ltaqgħu quddiem il-maġistrat Natasha Galea Sciberras.

Abina, ta’ 32 sena, huwa mixli li qatel lis-sieħba tiegħu Rita Ellul f’appartament f’Għajnsielem fi Frar 2022. Matul il-kompilazzjoni tal-evidenza kontra Abina, spettur tal-pulizija qal li Abina kien ametta li qatilha qabel l-interrogazzjoni għax issuspetta li Rita ma kinitx leali lejh.

L-ispettur qal fil-qorti li Abina u Ellul kienu f’relazzjoni u ta’ spiss kienu jżuru Għawdex. Abina ċempel għall-għajnuna wara li allegatament kien qatilha, fejn saħaq li sabha mejta malli wasal lura mix-xogħol u li l-aħħar li kienu tkellmu kien fis-7am qabel ma telaq għax-xogħol. Waqt l-interrogazzjoni, Abina stqarr li ma kellux inkwiet fir-relazzjoni ma’ Ellul u li kien iħobbha. 

Fl-2020, Ellul kienet għamlet rappot ta’ vjolenza domestika li wassal biex ittieħdu passi meħtieġa kontrih li kienu għandhom pendenti fiż-żmien li seħħ il-qtil. Għall-ewwel Abina kien qal li kien inċident ta’ darba, imma imbagħad qal li t-tnejn li huma kienu ssuspettaw u akkużaw lil xulxin li mhumiex leali.

Minn awtopsija, rriżulta li l-kawża tal-mewt tal-mara kienet strangolazzjoni li wasslet għall-akkuża ta’ omiċidju.

L-avukati Kaylie Bonett u Anthony Vella qed imexxu l-prosekuzzjoni, li jirrappreżentaw lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali.

L-Avukat Simon Micallef Stafrace inħatar biex jirrappreżenta lil Abina bħala avukat tal-għajnuna legali.

More in Qrati u Pulizija