Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonferma sentenza fil-konfront ta’ sitt tobba akkużati bil-qtil involuntarju ta’ tifla ta’ sentejn fl-Isptar Mater Dei. Hija mietet bil-minenġite iżda t-tobba ħasbu li kellha stonku imqalleb. Hija mietet fi Frar 2011.
Oriġinarjament, seba’ tobba kienu ġew meħlusa minn din l-akkuża, iżda l-Avukat Ġenerali kien appella għal sitta biss, bl-argument li l- Ewwel Qorti ma kinitx ikkunsidrat il-konklużjonijiet tal-espert maħtur Mario Scerri. Scerri kien ikkonkluda li t-tobba kienu negliġenti u dan wassal għall-mewt tal-pazjenta tagħhom, li setgħet tiġi salvata bl-antibijotiċi.
L-Imħallef Edwina Grima, li tippresjedi l-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat id-deċiżjoni tal-Ewwel Qorti, u qalet li ma sabet l-ebda raġuni biex tvarjaha.
L-Imħallef innotat li mix-xhieda tal-espert fil-mediċina forensika l-Professur Anthony Busuttil, kien intqal li s-sintomi tal-pazjenta ma kinux tipiċi ta’ meninġite.
“L-ewwel nett, meta xi ħadd ibati minn mininġite jħossu ma jiflaħx. Ikollu d-deni, jirremetti...” Huwa kompla jgħid li huwa diffiċli tirrikonoxxi każ ta’ meninġite f’stadju bikri.
Ma kien hemm xejn fis-sintomi tat-tifla li seta’ wassal biex it-tobba li kienu qed jagħtuha l-kura jissuspettaw li kellha meninġite, qal l-espert.
Filwaqt li rrikonoxxiet l-fatt li t-tobba kienu għamlu dijanjosi skorretta, ma jfissirx li t-tobba ma żammewx mal-prinċipji standard tagħhom.
L-imħallef osservat ukoll li l-prosekuzzjoni naqset milli ssib il-ħtija fuq livell meħtieġ fi proċeduri kriminali. Ma deherx li l-akkużati naqsu milli jwettqu testijiet jew milli jagħtu l-kura xierqa bbażata fuq is-sintomi u l-istorja klinika tal-pazjenta.
Mhux il-każ li t-tifla kienet traskurata minn wieħed mit-tobba, qalet l-Imħallef.
Kienu saru eżamijiet kliniċi regolarment, ittieħdu testijiet tad-demm u kienet inżammet taħt osservazzjoni.
Il-Qorti qalet li kull wieħed mill-akkużati ħa kull azzjoni raġonevoli li setgħet tkun mistennija mingħandhom fiċ-ċirkostanzi. Huma ġew illiberati minn kull akkuża.