Abbuż fid-dar ta' Lourdes: l-ewwel dikjarazzjoni tal-pulizija mogħtija fl-2014, tisma' l-qorti

Is-Supretendent tal-Pulizija xehed f’każ Kostituzzjonali mressaq mill-vittmi tal-abbuż. Huma qed jakkużaw lill-Istat li naqas milli jissalvagwardja d-drittijiet tagħhom fl-orfanatrofju

Dar Lourdes (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)
Dar Lourdes (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)

Is-Supretendent tal-Pulizija xehed f’każ Kostituzzjonali mressaq mill-vittmi tal-abbuż. Huma qed jakkużaw lill-Istat li naqas milli jissalvagwardja d-drittijiet tagħhom fl-orfanatrofju.

L-ewwel darba li vittma ta’ abbuż f’orfanatrofju mmexxi mill-Knisja f’Għawdex fis-snin sebgħin u tmenin kienet tat stqarrija lill-pulizija kienet fl-2014, intqal waqt is-seduta.

Oħt il-gazzetta L-ILLUM kitbet dwar l-abbuż, kif ukoll l-impatt li ħalliet fuq il-vittmi.

Il-vittmi kienu reġgħu qabdu l-każ tagħhom fl-2022 u marru għand il-kummissjoni ta’ salvagwardja ta’ Għawdex, li mbagħad irrefera l-każ lill-pulizija.

Il-Vice squad Supretendent tal-Pulizija Kylie Borg qalet lill-Qorti li fl-2022, il-Kummissjoni għas-Salvagwardja tal-Knisja għal adulti u tfal vulnerabbli kienet infurmat lill-pulizija dwar l-allegazzjonijiet ta’ abbuż fiżiku u sesswali fl-orfanatrofju. Borg qalet li kienet infurmata wara li l-vittmi kienu għamlu pressjoni fuq il-Kummissjoni dwar l-istatus tal-investigazzjoni tagħha.

Hija qalet lill-Qorti li wara li intervistat lill-allegati vittmi fl-uffiċċju tagħha fil-Kwartieri Ġenerali tal-Korp tal-Pulizija tal-Furjana, kienet infurmathom li ma kienx hemm ħafna x’jista’ jsir għax l-abbuż seħħ aktar minn 40 sena qabel u għalhekk ir-reati li qed jiġu allegati kienu time barred, jiġifieri ma jkunux jistgħu jittieħdu passi dwarhom għax ikun għadda ħafna żmien fuqhom.

L-Imħallef staqsa lil Borg jekk il-pulizija qattx ġabret rapport uffiċjali dwar l-allegazzjonijiet li saru mill-allegati vittmi, iżda x-xhud wieġbet li ma tistax tiftakar.

Madankollu, is-Supretendent żiedet tgħid li ma kinitx l-ewwel darba li l-allegati vittmi tkellmu mal-pulizija dwar l-abbuż – l-ewwel stqarrija meħuda mingħand wieħed minnhom kienet saret fl-2014 lil spettur stazzjonat ir-Rabat Għawdex, qalet.

F’seduti preċedenti, il-qorti kienet semgħet vittmi jagħtu xhieda orribbli ta’ swat bl-addoċċ minn sorijiet u abbuż sesswali f’idejn wieħed mill-qassisin fl-orfanatrofju.

Il-każ se jkompli f'Mejju.

L-Avukat Lara Dimitrijevic qed tassisti lir-rikorrenti.

More in Qrati u Pulizija