Il-Korp tal-Pulizija u Heritage Malta ffirmaw ftehim ta' kollaborazzjoni li ser iwassal biex iż-żewġ partijiet jaħdmu id f’id f’oqsma differenti, fosthom fir-restawr, fl-edukazzjoni, f’attivitajiet kulturali u riċerka, fost oħrajn.
Il-ftehim ġie ffirmat mill-Kummissarju tal-Pulizija, is-Sur Angelo Gafà u l-Kap Eżekuttiv ta’ Heritage Malta, is-Sur Noel Zammit fil-Forti Sant’Iermu.
Fost l-għanijiet ewlenin hemm ir-rinnovar u l-operat tal-Mużew tal-Pulizija ta’ Malta fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana, filwaqt li Heritage Malta se tkun qiegħda wkoll tipprovdi assistenza u konsulenza lill-Korp tal-Pulizija dwar il-preżentazzjoni u l-operat tal-istess mużew.
Grazzi għal dan il-ftehim, il-Korp tal-Pulizija u Heritage Malta se jorganizzaw avvenimenti għall-pubbliku. Iż-żewġ partijiet qablu wkoll li jikkordinaw attivitajiet biex iqajmu kuxjenza dwar il-wirt kulturali, fosthom żjarat fl- iskejjel u f’ċentri tal-komunità, kif ukoll kunċerti mill-Banda tal-Pulizija.
F’kelmtejn tal-okkażjoni Gafà qal li dan il-ftehim ta’ kollaborazzjoni ġie ffirmat f’din is-sena li l-Korp tal-Pulizija se jkun qiegħed jiċċelebra l-210 Anniversarju tiegħu u fl-istess ħin se jkun qiegħed jagħlaq 70 sena jopera mill-Kwartieri Ġenerali tal-Floriana, liema binja s-sena d-dieħla tagħlaq 300 sena minn meta nbniet.